Friday, August 12, 2022

Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv bejn il-GWU u l-kumpanija Support Services Ltd

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ħaddiema membri tal-General Workers’ Union se jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar permezz ta’ ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u l-kumpanija Support Services Ltd. 

Il-ftehim li jkopri s-snin 2022-2025, huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu fejn qed ikunu stipulati d-drittijiet tal-ħaddiema, l-obbligi tagħhom u anke l-mod kif għandha ssir id-dixxiplina fost oħrajn. F’każ li persuna titressaq quddiem Bord, dan ma jkunx kompost biss mill-maniġment imma minn tliet persuni – wieħed mill-maniġment, ieħor mill-GWU u Ċerpersin maqbul mit-tnejn. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv u saħaq li dan ġie konkluż minkejja l-pandemija li wasslet biex il-proċess jieħu ftit aktar fit-tul.

Huwa spjegalna li bħala salarju tal-ħaddiema, dan huwa determinat miċ-ċirkulari li joħroġ il-Gvern billi Support Services Ltd. hi kumpanija li titfa’ l-offerti għall-kuntratti tal-Gvern. 

“Ktibna f’dan il-ftehim kollettiv illi aħna se naraw li jekk dawn iċ-ċirkolari jinbidlu, jiġu riflessi wkoll fil-pagi tagħhom. B’hekk għandna bażi soda biex inkomplu n-negozjati tagħna quddiem il-Gvern sabiex jirranġa ċ-ċirkolari li hemm tat-tender u b’hekk inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema speċjalment dawk finanzjarji. 

“Dan huwa pedament li qed jgħin il-bidu tagħna b’mod aktar strutturat sabiex nindirizzaw id-drittijiet li għadhom dawn il-ħaddiema li nsibuhom f’kull entità medika u ta’ kura li huma jagħtu sabiex jirriflettu d-dmirijiet tagħhom u jiġu kkumpensati għall-ħidma kontinwa li qed jagħmlu,” qal is-Sur Bondin.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Support Services Ltd, Charlotte Sant Portanier qaltilna li “dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv iffirmat mal-GWU. Il-pandemija ma tantx għenet. L-impjegat huwa importanti ħafna għalina. Kien proċess għalkemm fit-tul tajjeb ħafna rnexxielna naslu għalih u kien wieħed mexxej ħafna.”

F’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju Lawrence Bugeja u s-shop stewards Josephine Borg, Nanette Caruana, Joanne Tanti u Silvia Cassar.

F’isem il-kumpanija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Charlotte Sant Portanier, il-General Manager Charlo Farrugia, l-Operations Manager Mark Grech u l-HR Manager Raisa Rizzo. 

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.

Ekonomija
Delicious

Sport