Monday, May 20, 2024

“Ikkowċjajt ħafna goalkeepers ta’ kwalità għolja li komplew jimirħu matul is-snin”

Aqra wkoll

Intervista ma’ Mario Capece – coach tal-goalkeepers tat-team nazzjonali

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

Hija passjoni mwielda mill-imħabba għall-isport in ġenerali. Il-football kien opportunità vera għalija biex niltaqa’ u nkun flim­kien ma’ ħbieb kemm fil-ground kif ukoll fl-istands biex nappoġġa lit-team favorit tiegħi.

Imbagħad maż-żmien sar kollu xogħol għalija, iżda l-passjoni hija dejjem l-istess bħalma kienet fil-bidu bħala dilettant u b’dedikazzjoni massima, dejjem nipprova nagħmel l-aħjar minnha.

Tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala goalkeeper?

L-esperjenza tiegħi bħala goalkeeper mhix daqshekk twila, kemm minħabba injury kif ukoll xewqa li niddedika ruħi biex nistudja l-irwol tal-goalkeeper, u ta’ 26 sena bdejt l-avventura tiegħi bħala coach tal-goalkeepers.

U l-irwol ta’ coach tal- goalkeepers x’inhu?

Il-bidu tiegħi kien pro­prju f’belt twelidi, Picerno, fil-Basilicata.

L-ewwel nies li ħeġġewni biex nispeċjalizza fl-irwol kienu Amendola, Avigliano u Maiorano. Wara snin fis- settur taż-żgħażagħ, l-ew­wel esperjenza dejjem f’La­gonegro fir-Raba’ Diviżjoni Taljana, u mbagħad ingħaqadt ma’ Sorrento, il-club li litteralment iffur­ma­ni, fejn domt ħames snin.

Minn hemm imbagħad kelli esperjenzi ma’ clubs professjonali fl-Italja fost­hom Biellese, Sud Tirol, Ivrea, Canavese u Virtus Entella. Dan qabel kelli esperjenzi fil-Kanada, Florida, it-Tuneżija, il-Libja, l-Albanija u r-Rumanija. Ukoll kont kap tal-metodoloġija tal-Akkademja ta’ AC Milan f’Sydney, l-Awstralja.”

Kemm hu differenti li tkun coach milli tkun player?

Trid tħares lejn kollox minn perspettiva oħra. Qatt ma trid taħseb x’kont tagħmel bħala ġest tekniku, imma x’tista’ tagħmel biex tikseb l-aħjar mill-goalkeepers tiegħek.

Komponent ieħor importanti huwa l-immaniġġjar tal-emozzjonijiet, fejn qatt ma trid titqarraq bl-istress u tipprova tkun it-tarka tal- goalkeepers tiegħek.

Trid tieħu l-biżgħat tagħ­hom u tagħmel minn kollox biex tittrasformahom fis-saħħa tagħhom.

Kemm hu delikat l-irwol tal-goalkeeper fit-team?

Huwa rwol affaxxinanti daqskemm huwa delikat; jiġi eżaltat fis-skiet f’mumenti tajbin u dejjem trid toqgħod bilqiegħda fis-   skiet f’mumenti diffiċli.

F’dawn l-aħħar snin, ir-rwol huwa dejjem aktar parti integrali ta’ team globalment. Għal din ir-raġuni huwa saħansitra aktar sabiħ għalija. Iva huwa rwol diffiċli, imma li nkun protagonista fi ħdan ħidma f’team huwa ta’ sodisfaz­zjon.

Minn naħa l-oħra, trid tagħraf tegħleb id-diffikultajiet li jinqalgħu minn żmien għal ieħor.

Liema goalkeepers rino­mati ikkowċjajt fil-karriera tiegħek?

Ikkowċjajt ħafna goalkeeepers ta’ kwalità għolja fil-karriera tiegħi u ninsab kuntent li kont parti żgħira mit-triq ta’ suċċess tagħhom.

Fost dawn insemmi lil Antonio Mirante (Bologna, Parma, Roma u issa ma’ AC Milan), Federico Marchetti (Cagliari, Lazio u issa ma’ Genoa u protagonist fit-Tazza tad-Dinja 2010), Andrea Seculin (Fiorentina, Chievo u issa ma’ Spal), Mirko Pigliacelli (Roma, Trapani u issa ma’ Craiova), Ivan Pelizzoli (Roma, Atalanta, Lokomotiv Moscow), Achil­le Coser (Albinoleffe), Alban Hoxha, Andrea Paroni u Luca Zanotti,

Kif ġejt Malta?

Il-coach, Devis Mangia, riedni hawn, u l-entużjażmu tiegħu biex jitkellem dwar dak li jista’ jsir f’Malta affaxxinani.

Personalment, kienet opportunità kbira biex inżid biċċa oħra fl-esperjenza tie­għi barra minn Malta.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala coach tal- goalkeepers mat-team nazzjonali Malti?

Sabiħa, b’saħħitha u ta’ vera! Inħolqot għaqda soda bejna l-istaff, players u tmex­xija.

Ksibna ħafna riżultati importanti b’sagrifiċċju u dedikazzjoni min-naħa ta’ kulħadd, imma jekk għall- għajnejn tal-oħrajn jista’ jidher li bħal donnu diġá sar biżżejjed, nista’ nassigu­rakom li għalina lkoll dawn huma biss l-ewwel ostakli li jridu jingħelbu u għandna xewqa kbira li nkomplu mexjin b’mod pożittiv.

Fir-rigward tal-ħajja f’Malta, jiena tip ta’ persunali nħobb nesperjenza bis-sħiħ il-kultura tal-pajjiż li jospitani, għalhekk prattikament inħoss li lqatt kollox. Għandi relazzjoni tajba man-nies, u rispett reċiproku, aspett li jiġi qabel kull ħaġa oħra għalija.

Kemm taħdem mill-qrib mal-coach tat-team nazzjonali, Devis Mangia?

Tagħna huwa xogħol ta’ staff reali. Mangia jagħtina d-direttivi u lkoll flimkien nagħmlu l-almu tagħna biex niksbu dak li hu meħ­tieg, Minn Mazzotta sa Gia­comazzi u Zinnari, minn Pagani sa Zanasi, u l-istaff mediku kollu, ilkoll insegwu l-istess direzzjoni; ħidma f’team koeżiv li tista’ biss twassal għal riżultati pożittivi.

Kemm hu differenti t-taħriġ tal-goalkeepers minn dak ta’ players oħra?

Ix-xogħol tekniku speċifiku tal-goalkeeper irid jittieħed b’ċertu ħsieb f’kull aspett u jieħu ħafna ħin.

Jien inħobb it-teknika u nipprova ma nħalli barra l-ebda dettall. Nerġa’ nara s-sessjoni tat-taħriġ u naq­sam il-filmati mal-players tiegħi biex jaraw fejn jis­tgħu jitjiebu. Żgur li t-taħriġ globali ta’ team jagħmel lill-goalkeeper aktar involut fl-aspett tattiku u konsegwentement il-goalkeeper ikun involut fil-logħba aktar minn snin ilu.

Ta’ min tkun l-aħħar kelma li fuqha jiġi utilizzat il-goalkeeper mat-team nazzjonali – tiegħek jew ta’ Devis Mangia?

Nirreferi għat-tweġiba pre­ċedenti. L-istaff jiddiskuti b’paragun globali bejnietna lkoll. Kull dettall jiġi analizzat qabel kull deċiżjoni, u Mangia, li dej­jem jisma’ lilna lkoll, imbagħad jieħu d-deċiżjoni finali, imma aħna dejjem inkunu fil-qrib tiegħu.

Għandi informazzjoni li fil-logħbiet, toqgħod fl-aħ­ħar siġġu fuq il-bank tas- sostituti. Hemm xi raġuni għal dan? Għaliex tagħżel li tagħmel hekk?

Hija xi ħaġa li ilni nagħmel għal snin sħaħ. Mhix superstizzjoni, iżda huwa l-mod tiegħi kif infittex il-konċentrazzjoni t-tajba fis-skiet fl-osservazzjoni tal-partita u niffoka fuq il-goalkeeper.

Kif tiddeskrivi l-livell tal-football Malti?

Żgur li mhux dejjem tara logħbiet ta’ intensità għolja, imma jien konvint li l-kontinwità tal-logħbiet wara l-waqfiet sfurzati minħabba l-pandemija tista’ ttejjeb dan l-aspett.

Nixtieq nara iktar goalkeepers żgħażagħ fil-ground, biex nagħtihom il- fiduċja u noħolqu prospetti ġodda fil-football Malti.

X’inhuma l-opinjonijiet tie­għek fuq l-istadia f’pajjiżna?

Naħseb li jintlagħbu ħafna logħbiet fi ftit grounds f’Malta u b’hekk mhux faċli li nżommuhom dejjem fil- quċċata.

Imma nista’ nitkellem fuq l-Istadium Nazzjonali f’Ta Qali, li jogħġobni ħafna u dejjem nittama li nsegwi partiti sħaħ hemmhekk.

Il-passjoni tal-pubbliku tgħin ħafna wkoll speċjalment tal-partitarji.

Kif inhi l-kundizzjoni tal-goalkeeper Henry Bo­nello wara li weġġa’ fil-ġimgħat li għaddew?

Huwa qed jaħdem ħafna biex jirkupra tajjeb. Żgur din il-ġimgħa se nkunu na­fu eżattament jekk nistgħux nsejħulu lura għal-logħbiet li jmiss.

Tista’ tgħaddi l-aħħar mes­saġġ lil kull min irid jibda karriera bħala goalkeeper?

Minbarra l-ewwel timi­jiet, ilni snin nsegwi proġett personali tiegħi stess iddedikat lill-goalkeepers żgħ­ażagħ bl-isem ta’ “Il-ħajja bħala numru wieħed”, u dejjem ngħid lill-players tiegħi biex jgħixu l-emoz­zjonijiet u r-rwol ta’ goalkeeper bil-passjoni u biex kull sessjoni ta’ taħriġ issir opportunità ġdida kbira biex jitgħallmu.

Sport