Thursday, December 26, 2024

Ikkundannat għall-mewt b’rabta mal-qtil ta’ direttur tal-films Iranjan u martu

Aqra wkoll

Raġel ġie kkundannat għall-mewt b’rabta mal-qtil tad-direttur prominenti tal-films Iranjan Dariush Mehrjui u martu, Vahideh Mohammadifar.

Mehrjui u Mohammadifar kienu nqatlu b’daqqiet ta’ sikkina f’darhom f’Karaj, qrib il-kapitali Tehran, f’Ottubru.

Tliet persuni oħra ġew ikkudannati bejn 8 u 36 sena ħabs għall-irwol tagħhom fl-ippjanar u l-assistenza fil-qtil.

F’sentenza li ngħatat it-Tnejn, li kienet ippubblikata fuq is-sit Mizan tal-ġudikatura Iranjana, Hossein Fazeli-Harikandi, il-Prim Imħallef tal-provinċja ta’ Alborz, qal li l-erba’ akkużati ammettew għall-akkużi wara li ġew arrestati ftit jiem wara li seħħew il-qtil.

Is-Sur Fazeli-Harikandi żied jgħid li l-allegat qattiel, li ma kienx imsemmi, ġie kkundannat għall-mewt skont il-liġi Iżlamika ta’ retribuzzjoni, wara rikors ippreżentat mill-familja ta’ Mehrjui.

Kien irrapportat li l-qattiel kien għamel xi żmien jaħdem għal Mehrjui u kellu “rabja kontra l-mejjet minħabba kwistjonijiet finanzjarji.”

Is-sentenzi għal dawk kollha misjuba ħatja mhumiex finali u jistgħu jiġu appellati fil-Qorti Suprema.

Sadanittant, l-attur prominenti Iranjan Reza Kianian kien ikkwotat mit-Tehran Times jgħid: “Jekk kien hemm u hemm ħames diretturi rinomati fl-istorja taċ-ċinema Iranjan, bla dubju, wieħed minnhom kien Dariush Mehrjui.”

Ekonomija

Sport