Il-Papa  jibda żjara fi Franza

Aqra wkoll

Papa Ljun XIV il-bieraħ beda żjara ta’ erbat ijiem fi Franza, li l-qofol tagħha se jkun quddiesa enormi fiċ-ċentru ta’ Pariġi li għaliha mistennija jattendu aktar minn nofs miljun ruħ. Huwa stmat li madwar 600,000 Kattoliku se jimlew it-triq prinċipali saħansitra sal-Arc de Triomphe u lil hinn minnu.

Folol kbar huma mistennija wkoll f’waqfiet oħra matul il-programm tal-Papa. Dan jirrifletti entużjażmu li l-Knisja tattribwixxi għal għatx spiritwali dejjem jikber fost il-Franċiżi u Ewropej oħra.

Il-Papa ġie milqugħ mill-President Franċiż Emanuel Macron fl-ajruport ta’ Orly u wara kellu taħdidiet miegħu fil-Palazz tal-Élysée dwar kwistjonijiet ġeopolitiċi u l-intelliġenza artifiċjali (AI).

Madankollu, il-President Macron mhux se jattendi għall-ebda waħda mill-Quddies tal-Papa, l-aktar biex jevita li jikser il-prinċipju strett ta’ separazzjoni bejn l-Istat u r-reliġjon fi Franza.

Minflok, għall-Quddiesa fiċ-Champs-Élysées se jattendu martu Brigitte u l-Prim Ministru Sébastien Lecornu kif ukoll diversi kandidati għall-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla, fosthom Marine Le Pen tal-lemin nazzjonalista, iċ-ċentristi Edouard Philippe u Gabriel Attal, u l-konservattiv Bruno Retailleau.

Fil-jiem li għaddew kien hemm rapporti ta’ tensjoni bejn Macron u t-tim tal-Vatikan li ntbagħat biex jagħmel l-arranġamenti taż-żjara fejn jingħad li Macron kien frustrat għax kien jixtieq li ż-żjara jkollha karattru aktar ċerimonjali.

Din l-idea ġiet imwarrba din il-ġimgħa minn uffiċjali tal-Élysée, li qalu li hija drawwa li kap ta’ stat li jkun qed iżur il-pajjiż – kif inhu l-Papa – jiġi offrut sensiela ta’ avvenimenti ta’ profil għoli, bħal skorta tal-kavallerija tul ix-Champs-Élysées.

Huma kkonfermaw li l-Papa rrifjuta l-proposta ta’ Macron għal laqgħa ma’ artiġjani li għenu fil-bini mill-ġdid tal-katidral ta’ Notre-Dame wara l-ħsara kbira li ġarrab bin-nar. Dan sar minħabba li l-aġenda tiegħu kienet mimlija wisq, qalu l-uffiċjali.

Il-programm taż-żjara tal-Papa Ljun XIV kien jinkludi wkoll laqgħa ma’ 80,000 żagħżugħ u żagħżugħa fl-istadium Stade de France, fit-tramuntana ta’ Pariġi. Għal nhar il-Ħadd, 150,000 ruħ irreġistraw biex jattendu għall-quddiesa fis-santwarju ta’ Lourdes, fil-muntanji tal-Pirinej.

Nhar it-Tnejn, il-Papa se jkun f’Metz, fil-grigal ta’ Franza, fejn se jagħti ġieħ lil Robert Schuman, wieħed mill-fundaturi tal-Unjoni Ewropea u Kattoliku ferventi li llum huwa kandidat għall-beatifikazzjoni.

Il-Papa se jiltaqa’ wkoll ma’ grupp ta’ migranti f’Pariġi, u f’Lourdes ma’ xi vittmi ta’ abbuż sesswali mwettaq minn membri tal-kleru Kattoliku.

Storikament, Franza għandha relazzjoni kumplessa mal-Knisja Kattolika ta’ Ruma. Il-pajjiż kien magħruf għal żmien twil bħala l-“il-bint il-kbira tal-Knisja” għaliex b’mod żbaljat kien maħsub li Franza kienet l-ewwel saltna li kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. Fil-fatt, l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Etjopja kienu kkonvertew qabel Franza.

Fis-seklu 14, il-papat spiċċa fl-eżilju f’Avignon, fin-nofsinhar ta’ Franza, u matul is-sekli ta’ wara, l-armati Franċiżi intervjenew perjodikament fil-politika Taljana, fejn il-papiet kienu kemm mexxejja sekulari kif ukoll kapijiet tal-Knisja. Napuljun saħansitra kien arresta u tefa l-ħabs żewġ papiet.

Il-Papiet reċenti kollha żaru Franza fosthom jispikkaw Ġanni Pawlu II, li żar il-pajjiż diversi drabi bejn l-1980 u l-2004, u l-Papa Franġisku, li żaru tliet darbiet iżda evita Pariġi, u minflok mar Strasburgu, Marsilja u Korsika.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport