Thursday, December 26, 2024

IKOMPLU L-ISFORZI BIEX JITJIEB L-AMBJENT

Aqra wkoll

Qasam li ilu jiddomina d-diskussjoni fl-Unjoni Ewropea jirrigwardja l-miri ambjentali li jridu jintlaħqu u kif il-pajjiżi msieħba, inkluż Malta, għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex dawn il-miri jintlaħqu bil-għan li jiġi minimizzat it-tibdil fil-
klima.

Fix-xhur li għaddew l-Ewropa ffaċċjat estremitajiet tat-temp fejn xi pajjiżi, fosthom pajjiżna, għaddew minn mewġa twila ta’ sħana tremenda filwaqt li pajjiżi oħra sofrew għargħar li qatt ma raw bħalu fl-istorja klimatika riċenti tagħhom.

Quddiem dan kollu, ħadd ma jista’ jiċħad li pajjiżna, fil-limitazzjonijiet u ċ-ċokon tiegħu, qed jagħmel dak kollu li jista’ biex jintlaħqu l-miri ambjentali Ewropej. Dan qed narawh iseħħ bil-proġetti li jinċentivaw il- ħidma għal ambjent aktar nadif u sostenibbli fosthom spazji miftuħa ġodda li nminnhom infushom iwasslu wkoll għal titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u l- Għawdxin.
Ma nistgħu ma nsemmux is- sussidji li għadhom jingħataw fix- xiri ta’ pannelli foltovojtajiċi u fix-xiri ta’ vetturi elettriċi. Lanqas nistgħu ninjoraw il-ħidma kbira li saret biex jitnaqqas it-tniġġis tal-vapuri permezz tal-proġett ‘shore to ship.

Dawn l-inizjattivi kollha, bla dubju qed jikkontribwixxu għal ambjent aħjar f’pajjiżna. Madankollu, irridu nirrikonoxxu li għad fadal ħafna xi jsir u nħossuna konvinti li dawn l-isforzi mill-Gvern se jkomplu jsiru.

F’dan l-isfond ukoll, napprezzaw id-deċiżjoni tal-Kabinett li approva t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil- klima kif tħabbar nhar it-Tlieta mill- Prim Ministru stess. Issa jidher ċar li l-gvern ilu li għaraf li l-bidla fil-klima hija sfida kbira għall-ġenerazzjoni t’issa u l-effetti huma kbar.

Bla dubju, kif qal il-Prim Ministru, jeħtieġ sforz iffukat biex pajjiżna, anke jekk hu pajjiż ċkejken, ikompli jagħmel il-parti tiegħu. Nemmnu għalhekk li l-inċentivi li qiegħed joffri l-gvern u dawk li għad irid joffri, ma jkunu jwasslu mkien jekk ma jkunx hemm il- koperazzjoni wkoll tal-pubbliku.

Għalhekk, jekk ilkoll bħala poplu naħdmu flimkien almenu fil-qasam ambjentali, pajjiżna mhux biss jilħaq l-obbligi Ewropej tiegħu imma wkoll iċ-ċittadini jgħixu ħajja aħjar fil-ġejjieni.

Ekonomija

Sport