Friday, May 3, 2024

Iktar minn 12,000 murtal għall-ispettaklu tan-nar fl-Imqabba f’lejliet Santa Marija

— Sandro Ghigo, Pirotekniku fl-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba

Aqra wkoll

“Ix-xogħol jieħu sena sħiħa. Nibdew eżatt minn wara l-festa u nagħmlu sena naħdmu l-post tan-nar biex imbagħad inkunu nistgħu nippreparaw hawnhekk.”

Fisser dan Sandro Ghigo, Pirotekniku fl-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba, f’intervista li kellu ma’ Talk.mt, hekk kif bħalissa jinsabu għaddejjin bl-aħħar preparamenti għall-ispettaklu tan-nar tat-Tnejn li ġej.

Dawk kollha li għandhom in-nar għal qalbhom, lejliet il-festa ta’ Santa Marija huma mħeġġa jinġabru fil-Bypass tal-Imqabba, fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, sabiex jitpaxxew bi spettaklu ta’ nar mill-isbaħ mid-9:30 p.m. ‘il quddiem.

Ghigo qal ma’ dan il-ġurnal li ‘It-Torri tad-Dawl’ — struttura tal-ħadid għolja 60 metru, li minnha jiġu sparati eluf ta’ murtali — ilu jsir fuq bażi annwali sa mill-2011, ħlief ovvjament f’dawk is-sentejn tal-Covid-19 u sena oħra separata li matulhom ma kienx possibbli li jittella’ dan l-ispettaklu.

Huwa qalilna wkoll li għall-14 t’Awwissu ppreparaw ‘il fuq minn 12,000 shot u sostna li fl-opinjoni tiegħu dan hu spettaklu li ftit naraw bħalu f’pajjiżna.

L-ispettaklu ta’ din is-sena, intitolat ‘Fireworks Spectacular’ huwa kompost minn sitt partijiet differenti, bl-ewwel waħda tkun dik ibbażata fuq it-‘Torri tad-Dawl’ b’effetti sinkronizzati ma’ siltiet ta’ mużika Rock. Infatti, ġiet intitolata ’The Tower of Rock’. Fil-partijiet l-oħra ma jonqsux il-murtali u n-nar tal-art.

Sport