Friday, December 27, 2024

Il-Baħar l-Aħmar huwa żona perikoluża għat-tbaħħir kummerċjali

Aqra wkoll

Il-kummerċ globali, b’mod partikulari l-ktajjen ta’ provvista qed jiffaċċjaw tfixkil serju minħabba li l-akbar kumpaniji tat-tbaħħir fid-dinja qed jiddevjaw ir-rotot marittimi tagħhom ‘l bogħod mill-Baħar l-Aħmar. L-attakki mir-ribelli Houthi fil-Jemen fuq bastimenti kummerċjali rriżultaw f’ħafna ditti li ddeċidew li jevitaw waħda mill-aktar linji tat-tbaħħir traffikużi fid-dinja.

Il-grupp Houthi ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-Ħamas u qed jimmira lejn bastimenti li jivvjaġġaw lejn l-Iżrael, għalkemm mhux ċar jekk il-bastimenti kollha li ġew attakkati kinux fil-fatt sejrin lejn Iżrael.

Il-forzi navali tal-Istati Uniti u r-Renju Unit fil-Baħar l-Aħmar issa nedew attakki mill-ajru kontra miri ribelli Houthi fil-Jemen b’reazzjoni għall-attakki fuq it-tbaħħir. Il-Houthis ilhom iżidu l-attakki tagħhom mill-bidu tal-gwerra Iżrael-Ħamas f’Ottubru.

Il-grupp, li huwa appoġġjat mill-Iran, ilu juża drones u rokits kontra bastimenti ta’ kumpaniji barranin li jittrasportaw merkanzija mill-istrett ta’ Bab al-Mandab  –  kanal wiesa’ ta’ 20 mil li jaqsam l-Eritrea u Djibouti fuq in-naħa Afrikana u l-Jemen fil-Peniżola Għarbija.

Il-vapuri normalment jieħdu din ir-rotta min-Nofsinhar biex jgħaddu mill-kanal tas-Suez. Iżda minħabba l-attakki u t-theddida ta’ attakki futuri, bosta mill-akbar ditti tat-tbaħħir fid-dinja, inklużi Mediterranean Shipping Company u Maersk, iddevjaw il-bastimenti lejn rotta ħafna itwal madwar il-Cape of Good Hope tal-Afrika u mbagħad ‘il fuq in-naħa tal-punent tal- kontinent.

Kwalunkwe vapur li jgħaddi mill-Kanal ta’ Suez jew mill-Oċean Indjan irid jiġi mill-istrett ta’ Bab al-Mandab u l-Baħar l-Aħmar. Il-Kanal ta’ Suez huwa l-iktar rotta tal-baħar mgħaġġla bejn l-Asja u l-Ewropa u huwa partikolarment importanti fit-trasport taż-żejt u l-gass naturali likwifikat (LNG).

Madwar disa’ miljun barmil ta ‘żejt kuljum għaddew mill- Kanal ta’ Suez fl-ewwel nofs tal-2023, skont id-ditta tal-analiżi tal-merkanzija Vortexa.

Skont analisti ta ‘S&P Global Market Intelligence  kważi 15% tal-merkanzija importata fl-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq ġew mill-Asja u l-Golf bil-baħar. Dan jinkludi 21.5% taż-żejt raffinat u aktar minn 13% taż-żejt mhux raffinat.

Iżda mhux biss dwar iż-żejt. Il-vapuri tal-kontejners iġorru kull xorta ta’ oġġetti għall-konsumatur li jidhru fil-ħwienet inklużi televiżjonijiet, ħwejjeġ, trejners u tagħmir sportiv.

Huwa inevitabbli li l-ktajjen tal-provvista jiġu affettwati minħabba li l-vapuri jiġu devjati ‘l bogħod mill-Baħar l-Aħmar, iżda l-oġġetti tal-konsumatur “se jiffaċċjaw bl-akbar impatt” bħal dewmien biex il-prodotti jaslu fil-ħwienet, minħabba li r-rotta mill-Cape of Good Hope iżżid ir-rotta b’madwar 3,500 mil nawtiku. 

Id-distanza żejda wkoll tiswa aktar lill-kumpaniji. Skont il-konsulenti tal-katina tal-provvista Drewry, il-prezz tal-użu ta’ kontejner ta’ 40 pied żdied bi 15% fil-ġimgħa li għaddiet. Dawn l-ispejjeż żejda qed jiġu mgħoddija min-negozji lill-konsumaturi.

Madankollu, ir-rati tal-kontejners għadhom ferm taħt il-livelli li kienu fl-2021, meta t-tariffi tal-merkanzija għolew b’mod konformi mad-domanda wara li ir-restrizzjonijiet tal-Covid ġew imtaffin. Hemm ukoll biża’ li t-tfixkil jista’ jgħolli l-prezzijiet taż-żejt. Żieda fil-prezzijiet taż-żejt u tal-fjuwil tista’ twassal għal prezzijiet ogħla fil-pompi u wkoll iwassal għal inflazzjoni akbar. 

F’dawn iċiċirkostani, l-Istati Uniti kienet nediet operazzjoni navali internazzjonali f’Diċembru biex tipprova tipproteġi l-bastimenti fuq ir-rotta tal-Baħar l-Aħmar. F’din l-operazzjoni ingħaqdu pajjiżi oħra fosthom ir-Renju Unit, il-Kanada, Franza, il-Baħrejn, in-Norveġja u Spanja, iżda xi kumpaniji tal-vapuri baqgħu lura milli jerġgħu jibdew jużaw ir-rotta.

Il-kumpanija ġganteska Maersk reġgħet bdiet il-vjaġġi mill-Baħar l-Aħmar wara l-introduzzjoni tal-operazzjoni tas-sigurtà, iżda ftit wara reġgħet waqfet it-tbaħħir wara li wieħed mill-vapuri tal-kontejners tagħha ġie attakkat.

Il-forzi navali tal-Istati Uniti u r-Renju Unit fil-Baħar l-Aħmar issa nedew attakki mill-ajru kontra miri ribelli Houthi madwar il-Jemen. Skont il-President Amerikan Joe Biden dawn l-attakki mmirati huma messaġġ ċar li l-Istati Uniti u l-imsieħba tagħha mhux se jittolleraw aktar attakki fuq il-vapuri u baħrin jew jippermettu li tkun perikolata l-libertà tan-navigazzjoni.

Ekonomija

Sport