Thursday, April 25, 2024

IL-BANEK MALTIN

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Minn kontroversja li għaddejja dwar is-servizzi li l-banek Maltin jipprovdu liċ-ċittadini, ħareġ ċar il-punt li l-banek naqqsu s-servizzi tagħhom lid-depożitanti waqt li żiedu l-miżati tagħhom. Jidher sew li l-aspettattiva ta’ min jikkummenta fuq il-banek il-kbar ta’ Malta hi li dawn għandhom ikunu per eċċellenza banek tad-depożitu.

Biss fl-istess ħin, qed iservu wkoll bħala banek li jsellfu għal investimenti produttivi, u għall-bini u x-xiri ta’ djar u appartamenti. Jiġifieri, minkejja ċ-ċokon tagħhom, iridu jservu wkoll bħala banek ta’ investiment tat-tul u ta’ skala medja, waqt li baqgħu bil-mentalità ta’ bank kummerċjali medju.

Biex tagħqad, mill-kriżi finanzjarja tas-snin 2008-2012, kellhom jitgħabbew b’regolamenti ġodda u komplikati ta’ kif isostnu l-bażi kapitali tagħhom. Terġa’, tgħabbewlhom aktar regoli li joħorġu mill-isforz Ewropew biex tinħoloq għaqda bankarja u biex jinqered il-ħasil tal-flus.

Il-banek “il-kbar” Maltin mhux jirnexxilhom ilaħħqu ma’ dawn il-blalen kollha fl-ajru. L-agħar li ntlaqtu minn hekk huma d-depożitanti ż-żgħar.

KOSTITWENZA EWROPEA

Il-proposta biex għall-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew jinħolqu kostitwenzi li jmorru lil hinn minn pajjiż wieħed biex fihom ikunu jistgħu jikkontestaw partiti “transnazzjonali” sabet min jappoġġjaha fl-aħħar snin. Kien tellaqha l-aktar il-President Franċiż Macron. 

  Biex ċerti reżistenzi kontriha jitrattbu, iddaħħlu fiha numru ta’ miżuri li setgħu jagħmluha tinħass aktar attrajenti, imma li x’aktarx għamluha aktar imħawda.

Ma nistax nifhem kif l-idea nnifisha hi maħsuba li se tqajjem aktar interess fl-elezzjonijiet Ewropej fost iċ-ċittadini u tħajjarhom joħorġu jivvotaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Ma nafx per eżempju kemm votanti Maltin se juru interess akbar fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u jmorru jivvotaw  f’numru akbar għax Malta tkun parti minn kostitwenza magħquda ma’ territorju Slovakk jew Sloven.

Imma erwieħ tajba li jgħixu fl-hekk imsejħa bużżieqa ta’ Brussell jaħsbuha mod ieħor. 

PEGASUS

Qam ferment fuq l-ispjunaġġ li kien (u għadu bla dubju) għaddej permezz ta’ software ivvintat minn kumpanija Iżraeljana mlaqqma Pegasus. Qed jintuża u jinbiegħ b’mod “kummerċjali” b’suċċess kbir. Jiddeffes fil-mobajls ta’ persuni importanti fil-politika u n-negozju, u jirreġistra kull informazzjoni li jsib fihom.

Sibtha ħaġa stramba kif qam dan l-iskandlu kollu. Mhux għax il-mod li bih intuża dan is-software mhuwiex skandaluż. Imma għax donnu affarijiet hekk m’ilhomx jiġru, bejn ħbieb, għedewwa u kompetituri. 

  Anke waqt li t-tbaqbiq dwar il-Pegasus baqa’ jfur, erġajna rajna kemm f’dal-qasam jeżistu standards doppji. L-ispjunaġġ li nagħmlu jien u ħbiebi fuq min ma hux ħabibna għandu r-raġun tiegħu. Dak li jagħmlu l-avversarji u kompetituri tagħna fuqna hu kundannabbli għall-aħħar.

Sport