Il-Bank of Valletta u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, estendew ftehim ta’ kollaborazzjoni li se jara lill-membri tal-istess union jibbenefikaw minn soluzzjonijiet finanzjarji mfassla apposta għalihom, permezz ta’ pakkett li l-Bank joffri lil diversi organizzazzjonijiet li jaħdem magħhom.
Dan se jservi ta’ opportunità għall-membri tal-MUMN sabiex jagħżlu istituzzjoni finazjarja li toffrilhom prodotti u servizzi allinjati mal-istil ta’ ħajja tagħhom.
Waqt li kien qed jindirizza seminar għall-membri tal-MUMN, is-Sur Silvio Cassar, Manager fit-Taqsima tal-Business Development tal-Bank of Valletta, saħaq li “l-għażla tal-Bank hija deċiżjoni finanzjarja kruċjali, u huwa essenzjali li wieħed janalizza l-bżonnijiet attwali u anke dawk tal-futur.
Il-karatteristiċi tal-prodotti, bl-appoġġ ta’ servizz adegwat għall-klijenti, il-preżenza fiżika kif ukoll online kif ukoll id-disponibbiltà ta’ servizzi addizzjonali bħal għażla ta’ investiment, irtirar u ppjanar finanzjarju flimkien ma’ dokumentazzjoni faċilment disponibbli dwar it-tariffi tal-Bank, huma kollha karatteristiċi li jagħmlu lill-Bank of Valletta l-Bank tal-Għażla għal bosta nies”.
Is-Sur Cassar kompla jgħid li “l-Bank of Valletta qiegħed kontinwament jevolvi biex jipprovdi l-akbar firxa ta’ prodotti u servizzi disponibbli fis-suq filwaqt li jipprovdi soluzzjonijiet innovattivi bħall-portal online tal-BOV Home Loans disponibbli minn fuq is-sit tal-Bank, li permezz tiegħu wieħed jista’ jikseb stima tal-ammont li jista’ jissellef, u japplika wkoll għal self għal propjetà mill-kumdità ta’ daru”.
Aktar informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi tal-Bank tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-Bank www.bov.com jew billi jsir kuntatt mat-Tim tal-Business Generation tal-Bank fuq [email protected].