Wednesday, July 24, 2024

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola żżur Teva Malta

Aqra wkoll

Teva Malta nhar il-Ġimgħa kellha l-pjaċir li tilqa’ lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fl-impjant tagħha f’Bulebel, fejn żaret il-faċilitajiet mill-aktar avvanzati u ħadet sehem f’diskussjoni pożittiva mat-tmexxija u l-impjegati.

Fuq quddiem tas-settur tal-farmaċewtika lokali mill-1976, Teva Malta għandha storja twila ta’ suċċess imsaħħa minn investiment u innovazzjoni kontinwi matul is-snin. Bħalissa tipproduċi 2.3 biljun pillola fis-sena, b’70% tal-produzzjoni tagħha destinata għas-suq Ewropew, u għalhekk tikkontribwixxi direttament għall-operazzjonijiet ta’ Teva Europe, inkluż il-provvista ta’ mediċini ġeneriċi, billi tiffranka madwar EUR5.4 biljun kull sena mill-baġit tal-Ewropa għall-kura tas-saħħa. 

Waqt il-laqgħa mal-membri ewlenin tat-tim ta’ Teva Malta, il-President Metsola tkellmet dwar l-importanza tas-Suq Uniku tal-UE, u qalet li: “Għandna nibnu fuqu mingħajr ma niframmentawh. M’għandniex għalfejn ningħalqu fina nfusna. L-ekonomija tagħna kibret matul is-snin preċiżament għax għamilna l-kuntrarju ta’ dan.”

Il-President Metsola żiedet tgħid li l-ekonomiji tal-UE huma kompetittivi, u jeħtieġ li jibqgħu hekk, bit-tranżizzjonijiet ambjentali u diġitali: “Il-Patt Ambjentali Ewropew huwa dwar is-sigurtà u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa daqskemm dwar it-tranżizzjoni ambjentali. Jekk ninvestu fl-għarfien, it-teknoloġija, u nrawmu l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja, se jirnexxielna niksbu vantaġġ kompetittiv.”

Patrick Cachia, Direttur Maniġerjali ta’ Teva Malta, irringrazzja lill-President Metsola hekk kif stqarr: “Din iż-żjara għandha sinifikat kbir għalina fuq ħafna livelli, mhux l-inqas fil-kuntest tar-rwol ċentrali li l-UE u l-politika tagħha għandhom fil-missjoni ta’ Teva li tipprovdi aċċess għal mediċini ta’ kwalità lil kulħadd.”

Filwaqt li enfasizza l-impenn ta’ Teva għall-benessri, l-innovazzjoni, l-effiċjenza, u s-sostenibbiltà, is-Sur Cachia żied: “F’konformità mal-istrateġija ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ Teva Group, Teva Malta kkontribwiet għal tnaqqis ta’ kważi 16,000 tunnellata ta’ CO2, u ffrankar kumulattiv ta’ enerġija ekwivalenti għall-konsum ta’ 8,000 dar residenzjali f’Malta matul l-aħħar għaxar snin. Madwar 9% tal-enerġija kkunsmata ġejja minn sors rinnovabbli.”

Teva Malta introduċiet numru ta’ inizjattivi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fosthom l-installazzjoni ta’ 1,500 pannelli fotovoltajiċi u aktar minn 700 unità tad-dawl LED. Hija akkwistat sistemi HVAC ġodda u aktar effiċjenti u eliminat żewġ bojlers li kienu jaħdmu bid-diżil. Il-kumpanija installat ukoll solar water heaters biex tforni ilma sħun lil-laboratorju u d-dipartiment tal-ippakkjar, u għandha sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita f’ġibjuni taħt l-art. Is-sit huwa ċċertifikat ISO 14001 Environmental Management Standard.

Ekonomija

Sport