Tuesday, May 14, 2024

IL-BIDLA TIĠI MINN ISFEL MHUX MINN FUQ

Aqra wkoll

Bħala kandidat żagħżugħ, huma ħafna dawk li jistaqsuni għala ersaqt ’il quddiem bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali. Nistqarr li meta involvejt ruħi fil-politika, qatt ma kelli l-ħsieb li nsir Deputat… imma n-namra tiegħi bdiet fuq aspett lokali. Kien għalhekk li kont ikkandidajt ruħi għall-elezzjoni tal-kunsill lokali fl-2013, kandidatura li waslet sabiex niġi elett bħala kunsiller u aktar tard Sindku ta’ raħal twelidi, jiġifieri tal-Mellieħa u Manikata

Imma bħala żagħżugħ, taħseb li tista’ tagħmel differenza, jistaqsuni żgħażagħ oħrajn? Ir-risposta għal din il-mistoqsija dejjem hija iva. Infatti, jekk wieħed jagħti titwila lejn il-movimenti li wasslu għal bidliet radikali fid-dinja, wieħed jinnota li dawn dejjem kienu msaħħin jew saħansitra bdew miż-żgħażagħ, u mhux minn dawk li huma aktar kbar fl-età. 

Naturalment, nirrikonoxxi li l-esperjenza hija importanti ħafna, u allura li min hu esperjenzat m’għandniex narmuh. Madanakollu nirrikonoxxi wkoll li l-enerġija u l-ħsieb ġdid huma elementi neċessarji li kull Partit għandu bżonn biex jibqa’ dejjem relevanti. Waħda mir-raġunijiet għaliex il-Partit Laburista naħseb li baqa’ forza elettorali b’saħħitha, hija li fl-aħħar snin baqa’ jirriġenera ruħu: ġurnata wara ġurnata, xahar wara xahar u sena wara sena. Il-bidliet fil-Partit saru f’kull livell, minn dak lokali, sa dak nazzjonali u anke dak Ewropew.

X’differenza minn ħaddieħor! Bħalma rajna meta bdiet din il-kampanja elettorali, ħaddieħor minflok jagħti spazju lin-nies ġodda, għandu ħabta li jaqla’ barra lin-nies ġodda biex jaġevola lin-nies antiki…nies li rrid ngħid, l-attitudni u l-imġiba tagħhom ma tantx tagħmel ġieħ lill-Partit inkwistjoni.

Madanakollu, ma nistgħax ma mmurx lura għall-punt u ngħid li l-akbar tibdiliet, saħansitra f’Malta, saru grazzi għaż-żgħażagħ. Fost dawn it-tibdiliet insemmi id-drittijiet ġodda għal persuni LGBTIQ, insemmi id-dikriminaliżżazzjoni tal-ħaxixa, il-vot sittax u riformi oħrajn li llum noħduhom ovvja.

Dawn it-tibdiliet, għalkemm ġew imbuttati miż-żgħażagħ, setgħu jsiru biss għaliex fil-Gvern kien hemm Partit li liż-żgħażagħ tagħhom prijorità, u mhux tefagħhom mal-ġenb bħalma kien imdorri jagħmel ħaddieħor. Għaldaqstant, wieħed irid jgħid li l-Partit Laburista huwa garanzija għaż-żgħażagħ, u garanzija bil-fatti: Garanzija li fost l-oħrajn tassigura li meta ż-żgħażagħ ser ikollhom bżonn widen, ser jinstemgħu. Li meta jistaqsu għal politika aktar progressiva, ser isibuha.

Kien għalhekk li jien ersaqt lejn il-Partit Laburista. Kien għalhekk ukoll li aċċettajt li nikkandida ruħi għall-elezzjoni ġenerali, għaliex nemmen li jekk il-poplu jogħġbu jagħtini l-fiduċja, nista’ nkompli nressaq il-vuċi żagħżugħa li tant hija importanti biex il-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem.

Biex ngħalaq dan l-artiklu nixtieq li nistaqsi mistoqsija lill-qarreja kollha. Ilkoll nafu li taħt Partit Laburista fil-Gvern, iż-żgħażagħ dejjem ingħataw il-prijorità li jistħoqqilhom. Taħsbu li taħt il-Partit Nazzjonalista, jekk dan xi darba jerġa’ jiġih iċ-ċans li jiggverna, ser jiġri l-istess? Jew inkella ser immorru lura għall-medjuevu fejn inwarrbu liż-żgħażagħ biex nippromwovu nies li żmienhom fil-politika missu ilu li għadda, u għadda sew? 

Inselli għalikom ilkoll.

Miktub minn Dario Vella; Sindku Mellieħi u Kandidat ġdid għall-PL

Sport