Saturday, May 18, 2024

Il-Big Band Brothers se Jdoqqu fil-Manoel fl-Għid il-Kbir

Aqra wkoll

Ippreżentat minn TOI TOI, dan il-kunċert speċjali ta’ serata waħda, f’Ħadd il-Għid, se jkun spettaklu mimli divertiment għall-familja kollha

Il-band popolarissima Big Band Brothers qed tħejji biex iddoqq bħala parti minn wirja spettakolari fil-Manoel fl-Għid ta’ din is-sena.

Dan il-kunċert speċjali ta’ siegħa se jiġi ppreżentat f’Ħadd il-Għid minn TOI TOI, il-programm għat-tagħlim u parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel, u se jieħu lill-membri tal-udjenza, kbar u żgħar, fuq vjaġġ mużikali divertenti tul id-deċennji. Filwaqt li se jibdew mill-era tal-leġġendi tal-mużika swing Glenn Miller u Benny Goodman, il-benjamini ta’ Malta l-Big Band Brothers se juru kif il-mużika żviluppat tul iż-żmien sabiex waslet għall-melodiji pop tal-lum.

TOI TOI: Big Band Brothers Easter Concert huwa opportunità tad-deheb biex tesperjenza band stupenda ta’ mużiċisti mill-aqwa u tiċċelebra l-Għid bil-kbir mal-familja,” qal Massimo Zammit, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. “Dan l-ispettaklu ta’ darba, divertenti immens, se jagħmel l-Għid ta’ din is-sena wieħed li tabilħaqq ma tinsieh qatt.”

Sa minn meta l-perkussjonist u kantant Daniel Cauchi waqqaf il-grupp fl-2005, il-Big Band Brothers ittrasformaw ix-xena mużikali ta’ Malta, billi ħolqu u pproduċew mużika mill-aqwa, waqt li dejjem fittxew li jimirħu lil hinn mill-fruntieri permezz ta’ proġetti kreattivi differenti. Din il-band mużikali divertenti u enerġetika tellgħet numru kbir ta’ wirjiet live u ħadet sehem f’kollaborazzjonijiet ma’ diversi artisti, mhux biss f’Malta iżda wkoll fil-Portugall, ir-Renju Unit, it-Tuneżija, il-Ġermanja, Sqallija, it-Turkija u l-Palestina.

TOI TOI: Big Band Brothers Easter Concert se jittella’ bl-Ingliż u bil-Malti, bis-sehem ewlieni tal-Big Band Brothers u bil-parteċipazzjoni ta’ membri mill-grupp Big Band Brothers Juniors u Little BBB tal-Iskola tal-Mużika ta’ Malta, kif ukoll l-animatriċi u kantanta Mariele Żammit.

TOI TOI: Big Band Brothers Easter Concert se jittella’ fit-Teatru Manoel fis-17 ta’ April fis-6pm. Dan l-avveniment huwa addattat għal membri tal-udjenza li għandhom sitt snin jew aktar, u huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet kurrenti b’rabta mas-saħħa pubblika. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.

Sport