L-applikazzjoni biex binja li tinsab fil-Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera tinbidel f’ristorant qed tiġi rtirata, filwaqt li r-restawr tal-binja se ssir xorta waħda. Dan ħabbritu l-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża Miriam Dalli waqt kummenti lill-ġurnalisti.
“Staqsejt dwar il-ħsieb oriġinali wara l-proposta biex din il-binja tinbidel f’kitchen garden, liema skop kien jagħmel sens biex jgħaqdi lin-nies li se jkun qed iżuru dan il-post. Rajt ukoll l-attività kummerċjali tal-madwar u tajt id-direzzjoni li dik il-binja ma tinbidilx f’ristorant imma tinbidel f’xi ħaġa oħra li tikkumplimenta l-ġnien,” qalet Miriam Dalli.
Il-binja, ta’ madwar 220 metru kwadru, tinsab fi stat dilapitat għall-aħħar u teħtieġ xogħol urġenti ta’ restawrazzjoni. Ix-xogħolijiet fuq ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-Ġnien qed isiru minn GreenServ, li biha l-kumpanija WasteServ qed timplimenta diversi proġetti ta’ tħaddir urban madwar il-pajjiż. Tnejn minn dawn il-proġetti – Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta u Misraħ Sebgħa ta’ Ġunju 1919 fil-Ħamrun għadhom kemm ġew inawgurati.
Ix-xogħol fuq il-binja fil-Ġnien Romeo Romano se jikkumplimenta l-bqija tax-xogħolijiet li qed isiru fil-ġnien. Fil-fatt, parti minn dan il-ġnien lanqas biss kienet aċċessibbli għall-pubbliku. Għalhekk, dawn ix-xogħlijiet se jservu biex żona oħra li kienet magħluqa se tingħata lura lill-pubbliku.