Thursday, April 18, 2024

L-imwiet mill-mewġiet tas-sħana problema li qed tikber

Aqra wkoll

Madwar 600 Amerikan imutu b’mard relatat mas-sħana kull sena, skont iċ-Ċentru tal-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (CDC). Din is-sena biss, temperaturi rekord madwar l-Istati Uniti kienu l-kaġun għal sensiela ta’ mwiet. Iċ-ċifra vera hija probabbilment ogħla, b’xi studji jpoġġu n-numru tal-imwiet għal 12,000 kull sena. Dan in-numru mistenni jiżdied hekk kif is-severità tal-mewġ tas-sħana tmur għall-agħar fil-futur.

Tabib tal-mediċina ta’ emerġenza u assistent professur tal-mediċina fil-Case Western Reserve University f’Ohio, Dr Robert Hughes, qal li mewġ tas-sħana aktar ta’ spiss se jwassal għal aktar espożizzjoni f’popolazzjoni mhux lesta u mhux ippreparata. Żied jgħid li hekk kif il-bidla fil-klima tmur għall-agħar, il-mard ser jiżdied.

It-tbassir jindika li qed jiżdiedu r-riskji għas-saħħa bħala riżultat tas-sħana estrema. Fil-Kalifornja, pereżempju, id-dipartiment tal-assigurazzjoni tal-istat bassar li Los Angeles se jesperjenza sa 22 ġurnata ta’ sħana estrema kull sena sal-2050, minn medja ta’ sitta biss bejn l-1998 u l-2000. Fl-2020 biss, uffiċjali tal-istat sabu li ż-żjarat fid-dipartiment tal-emerġenza żdiedu b’għaxar darbiet matul mewġa ta’ sħana li tellegħt it-temperaturi għal 49C (121F).

Il-Professur Kristie Ebi, esperta fir-riskji għas-saħħa mit-tibdil fil-klima fiċ-Ċentru għas-Saħħa u l-Ambjent Globali tal-Università ta’ Washington, qalet li filwaqt li temperaturi estremi bħal dawn jistgħu jkunu fatali, il-maġġoranza l-kbira tal-imwiet relatati mas-sħana jistgħu jiġu evitati jekk ikun hemm sistemi effettivi ta’ twissija bikrija u rispons biex tiġi aġġustata l-infrastruttura sabiex in-nies li jgħixu fl-ibliet ikunu ppreparati għal temperaturi aktar sħan.

Fost is-soluzzjonijiet potenzjali li ġew proposti hemm li l-mewġ tas-sħana jkunu kategorizzati u jingħataw isem.

Taħt is-sistema proposta li kienet l-ewwel issuġġerita miċ-Ċentru ta’ Reżiljenza tal-Fondazzjoni Adrienne Arsht-Rockefeller tal-Kunsill Atlantiku, il-mewġ tas-sħana se jkunu imsemmija u kkategorizzat fuq skala minn wieħed sa tlieta, filwaqt li jitqiesu fatturi inklużi l-indiċi tas-sħana, it-temperaturi bil-lejl u ż-żieda fit-temperatura matul l-aħħar 30 jum.

L-iskala ta’ kull belt hija mfassla għall-klima partikolari tagħha u tvarja bejn ir-reġjuni.

Fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-belt Spanjola ta’ Sivilja saret l-ewwel fid-dinja li adottat is-sistema. L-ewwel mewġa ta’ sħana msemmija – Zoe – waslet fil-25 ta’ Lulju, u ġabet magħha temperaturi ta’ 43C (109F). Il-mewġa ta’ sħana kienet meqjusa bħala “kategorija 3”, l-aktar severa fis-sistema.

Serje ta’ mewġiet ta’ sħana oħra tal-kategorija 3 huma mistennija aktar tard dan is-sajf. Kull waħda se tagħti bidu għal miżuri li jistgħu jinkludu kontrolli tal-benessri fuq residenti anzjani jew il-ftuħ ta’ pixxini komunitarji.

Kathy Baughman McLeod, esperta fis-soluzzjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-Kunsill tal-Atlantiku, qalet li s-sistema tista’ tgħin biex tinbena kultura ta’ tħejjija u prevenzjoni biex tiġġieled theddida li mhix “viżwalment impenjattiva” daqs uragan.

Bħala eżempju, McLeod qalet li l-isem ta’ mewġa ta’ sħana tista’ tgħin lin-nies biex jieħdu passi essenzjali biex iżommu lilhom infushom u l-membri tal-familja siguri, bħalma huma l-ħażna tal-ilma u l-iżgurar li t-tfal u l-qraba anzjani jibqgħu friski.

Mhux kulħadd huwa konvint li s-sistema taħdem. L-esperta Kristie Ebi, pereżempju, qalet li hemm nuqqas ta’ evidenza li l-isem ta’ avvenimenti ta’ temp ħażin – anke uragani – ibiddel il-perċezzjoni tan-nies, u li s-sistema tista’ ma tkunx kapaċi timmaniġġja l-kumplessità tal-mewġ tas-sħana.

It-tobba jwissu li soluzzjonijiet bħall-għoti ta’ isem lill-mewġ tas-sħana jew it-teħid ta’ passi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma proġetti fit-tul li x’aktarx ma jħallux il-frott għal għexieren ta’ snin anke jekk jiġu adottati.

Fuq medda qasira ta’ żmien, it-tobba jgħidu li l-aħjar strateġija tibqa’ li tkun konxju tas-sintomi tal-eżawriment tas-sħana u l-puplesija tas-sħana u li tieħu passi biex tipproteġi lil dawk li huma partikolarment vulnerabbli.

Ekonomija

Sport