Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco nnota b’sodisfazzjon ir-riżultati pożittivi li qed jinkisbu fis-settur tat-turiżmu li jirrifletti x-xogħol li qed isir f’dan is-settur mill-istakeholders kollha inkluż mill-MTA.
“Il-fatt li r-riżultati tal-ewwel kwart tal-2023 juru dawn ir-riżultati, iserraħ ras min investa u qed jippjana li jinvesti f’dan is-settur kif ukoll dawk in-nies li b’mod dirett u indirett għandhom l-għajxien tagħhom li jiddependi fuq dan is-settur,” qal De Marco. Però, saħaq li rridu nkunu konxji tal-fatt li pajjiżna għandu “sfidi kbar” anke f’dan is-settur.
“Naħseb li jekk irridu jkollna diskussjoni li tmur oltre mill-istatistika, irridu nagħmlu eżami ta’ kuxjenza u naraw x’inhuma l-isfidi li dan is-settur qed jiffaċċja quddiemu jekk irridu nħarsu long term.” De Marco enfasizza li: “nemmen li pajjiżna qiegħed f’salib it-toroq għal dak li jfisser id-destinazzjoni li aħna rridu dan is-settur jieħu quddiemu. Għaliex jekk ma noqogħdux attenti dan is-settur għandu l-isfida tal-over supply f’dak li jirrigwardja l-bed stock u over tourism għal dak li jista’ jirrigwardja n-numri u l-esperjenzi tat-turist u kif ukoll l-esperjenza tal-lokal.” Id-Deputat Nazzjonalista qal ukoll li mingħajr prodott qatt ma jista’ jkollok suċċess fit-turiżmu.
Huwa żied li l-Blue Lagoon qed isir eżempju ta’ over tourism, fejn fi kliemu stess “jekk it-turist imur Blue Lagoon illum tara aktar kummenti negattivi milli pożittivi.” Hawn staqsa x’qed isir biex ikollna pjan ta’ immaniġġjar ta’ veru għal din il-gżira unika li ngawdu f’pajjiżna. Tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Għadira, u filwaqt li rrikonoxxa li kien hemm bżonn li jsir, qal li dan iżda ma jfissirx li nistgħu nagħlqu għajnejna għall-mod li bih qed jitmexxa dan il-proġett.
“Fejn hi l-kordinazzjoni ta’ bejn l-MTA u l-varji aġenziji tal-infrastruttura ta’ pajjiżna?”, staqsa De Marco.