Wednesday, April 24, 2024

“L-investiment fir-reklamar u fil-prodott turistiku qiegħed jissarraf fir-riżultati mixtieqa”

- il-Ministru Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jidher biċ-ċar li qegħdin fit-triq it-tajba. Jidher li l-pjan li kellna għall-2022 serva ta’ pjattaforma b’saħħitha ħafna għal din is-sena li ninsabu fiha. L-investiment li qed nagħmlu fir-reklamar u fil-prodott turistiku ġenerali qiegħed jissarraf fir-riżultati mixtieqa. Riżultati mhux biss f’termini ta’ statistika, imma n-nies qed jaraw u iħossu l-effett pożittiv li jiġġenera t-turiżmu f’pajjiżna.

Qal dan iI-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għas-sena finanzjarja 2023.

Huwa beda biex qal li t-turiżmu jifforma parti integrali minn dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin. Għall-pajjiż b’mod inġenerali huwa settur kruċjali speċjalment mill-lenti ekonomika u dik soċjali.

Il-Ministru Bartolo qal li l-2022 kienet is-sena li fiha bdejna nirkupraw mill-agħar kriżi li affaċċja pajjiżna minħabba l-Covid-19. Fil-fatt, dan is-settur kien fost l-aktar li ġie milqut, fejn is-sitwazzjoni kienet dik ta’ lukandi vojta, restoranti magħluqa, kellna bliet u rħula bil-għatx għall-attività turistika.

Huwa kompla jispjega li: “saħħaħna l-inċentivi tas-settur tal-ospitalità u investejna bil-kbir f’reklamar u t-tisħiħ tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna. It-turiżmu rkupra b’mod sostanzjali u qed jirpilja b’mod rapidu, iżjed minn dak li kien ippjanat.”

Fl-2022 waslu pajjiżna 2.3 miljun turist, li huwa 84% tal-livell rekord li kien intlaħaq lura fl-2019. Min-naħa l-oħra, l-ewwel kwart tal-2023 ra prestazzjoni aktar b’saħħitha, rekord ġdid fit-turiżmu.

“Dawn ir-riżultati ma ġewx b’kumbinazzjoni iżda bl-isforzi kontinwi tal-partijiet kollha konċernati fosthom l-MTA li tippromwovi lil pajjiżna fi swieq diġà stabbiliti u oħrajn ġodda.

“L-MTA qatt ma waqfet tirreklama lil pajjiżna. Konna responsabbli fil-mod ta’ kif investejna flus il-poplu. Ir-reklamar mhux nefqa imma investiment,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

“Din is-sena kellna l-aqwa l-ewwel kwart fl-istorja tat-turiżmu. In-numru ta’ viżitaturi qabeż l-443,000, żieda ta’ 4% meta wieħed iqabbel dan l-ewwel kwart mal-2019. L-MTA kienet attiva fuq il-fronti kollha.”

Mil-lat ta’ niċċa reliġjuża, il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-MTA qed tkompli taħdem ma’ diversi organizzazzjonijiet lokali biex naraw ir-restawr li hemm bżonn isir, kemm f’pitturi, statwi, każini kif ukoll mużewijiet. Semma wkoll il-mixjiet u pellegrinaġġi li jsiru minn żmien għal żmien u li huma wkoll imfittxija.

Huwa temm jgħid li l-messaġġ ta’ dan il-Gvern se jibqa’ wieħed: “Iżjed xogħol, iżjed investiment. Minn dak jimpurtana. Li mill-ħidma li tagħmel l-MTA kemm f’Malta u lil hinn nasiguraw li t-turiżmu jkompli jkun fost il-pilastri ewlenin tal-ekonomja Maltija.”

“L-istrateġija li twassalna sal-2030 tinkludi viżjoni aħħarija u kompluta dik li negħlbu l-istaġjonalità darba għal dejjem mis-settur turistiku Malti u mmorru għall-mudell turistiku li jkun iżjed sostenibbli billi jkolna aktar turisti matul is-sena kollha.”

Sport