Friday, April 26, 2024

“L-involviment tar-raħħala s-sigriet wara s-suċċess tal-wirja agrarja”

Mario Camilleri - Direttur Artistiku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-involviment tar-raħħal Malti huwa s-sigriet tas-suċċess wara din il-wirja. Dan ir-raħħala ma tantx għandhom fejn jesebixxu l-bhejjem tagħhom u hawnhekk huwa l-post ideali.

Il-parteċipazzjoni tagħhom qiegħda tkompli tiżdied fejn din is-sena kellna rekord ta’ nagħaġ u mogħoż għall-wirja tas-sbuħija kif ukoll għall-kompetizzjoni tal-ħlib”. Iddikjara dan ma’ talk.mt id-Direttur Artistiku tal-Wirja Agrarja f’Ħad-Dingli Mario Camilleri.

Camilleri tkellem b’sodisfazzjon dwar iż-żieda fl-attendenza għal din il-wirja fejn mhux biss kien hemm żieda fir-raħħala li kitbu l-bhejjem tagħhom, iżda kellek nies minn kull parti tal-pajjiż kif ukoll minn Għawdex li żaru l-attività tal-bieraħ.

Filwaqt li kellimna dwar il-wirja u t-tberik taż-żwiemel li saret minn kmieni filgħodu, dwar in-nagħaġ u mogħoż qalilna li kien hemm aktar minn 120 waħda kif ukoll 23 oħra li nkitbu għall-kompetizzjoni tal-ħlib. Dan il-ġurnal assista għal din il-kompetizzjoni fejn fost l-oħrajn mogħża tar-razza Ġermaniża rnexxielha taħleb 7.63 Kilogrammi f’ħalba waħda.

F’attivitajiet varji għall-familja kollha l-wirja agrarja kienet tinkludi fost l-oħrajn żfin u mużika tradizzjonali, ikel Malti, wirja u bejgħ ta’ prodotti lokali, makkjetti, għana u kif ukoll dimostrazzjonijiet edukattivi bħal kif jinġiżżu n-nagħaġ b’mod tradizzjonali mqabbel mal-magna tal-elettriku.

YouTube video

Għall-ewwel darba, l-Organizzazzjoni Volontarja Visual Non Visual kienet aċċettata biex tagħti iżjed informazzjoni lill-pubbliku dwar l-abbiltajiet ta’ persuni għomja fi ħdan din l-istess organizzazzjoni, ir-riċerka dettaljata tagħhom dwar l-agrikoltura u anke prodotti li jkabbru.

Sport