Saturday, December 28, 2024

Il-booster essenzjali fi Franza biex anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena jkunu jistgħu jsiefru

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President Franċiż Emanuel Macron ħabbar li persuni li għandhom aktar minn 65 sena dalwaqt se jitħallew jivvjaġġaw jew imorru f’ristoranti u jżuru mużewijiet sakemm ikunu ħadu l-booster kontra l-Covid-19.

“Mill-15 ta’ Diċembru se jkollok bżonn tipprovdi prova ta’ doża tal-booster biex testendi l-validità tal-pass tas-saħħa tiegħek,” huwa wissa f’indirizz li għamel. Minkejja r-rata għolja ta’ tilqim, Franza qiegħda tara żieda fl-infezzjonijiet kuljum.

Nhar it-Tlieta li għadda, il-pajjiż irrapporta 12,476 infezzjoni ġdida fi żmien 24 siegħa – l-ogħla rata mill-bidu ta’ Settembru. Mindu faqqgħet il-pandemija mietu aktar minn 118,000 ruħ fi Franza.

“Għadna ma spiċċajniex bil-pandemija,” qal il-President Macron filwaqt li żied li r-rata ta’ infezzjoni qabżet b’40% matul il-ġimgħa li għaddiet. Huwa qal li l-evidenza wriet li sitt xhur wara li persuna tkun tlaqqmet “l-immunità tonqos” u għalhekk is-soluzzjoni hi d-doża addizzjonali tal-vaċċin.

Il-President Macron ħabbar ukoll li x-xahar id-dieħel id-dożi tal-booster se jkunu disponibbli wkoll għal dawk li għandhom bejn il-50 u l-64 sena, filwaqt li saħaq li aktar minn 80% tal-pazjenti bil-Covid-19 li qed jingħataw il-kura f’taqsimiet tal-kura intensiva għandhom aktar minn 50 sena.

Ekonomija

Sport