Monday, April 15, 2024

Żewġ uffiċjali korrettivi mixlija bi traskuraġni li wasslet għall-mewt ta’ priġuniera

Aqra wkoll

Żewġ uffiċjali korrettivi tressqu l-Qorti b’ċitazzjoni mixlija bi traskuraġni li wasslet għall-mewt tal-priġuniera Kimberly Borg Nicholas Virtu.

Annabelle Cauchi ta’ 51 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Alison Vassallo ta’ 41 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Kim Borg kienet instabet mitlufa minn sensieha fiċ-ċella tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju li għadda wara attentat ta’ suwiċidju u tilfet ħajjitha fl-4 ta’ Lulju ġewwa l-Isptar Mater Dei. 

Inkjesta maġisterjali li nfetħet dwar dan il-każ kienet sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi li kienu wkoll sospiżi minn xogħolhom.

Fis-seduta tal-lum, xehed l-Ispettur Paul Camilleri stazzjonat l-Għassa ta’ Raħal Ġdid li qal li kien involut fil-każ sa mill-bidu tiegħu. Qal li meta l-Pulizija ġew infurmati li sar attentat ta’ suwiċidju minn Kim Borg Nicholas Virtu, huwa mar il-ħabs fejn hemm sab ħaddiema jagħtuha s-CPR. Wara, ittieħdet l-Isptar Mater Dei fejn mietet ftit ġimgħat wara. 

Xehed ukoll is-Surġent tal-Pulizija Gary Saliba Di Stefano li kkonferma l-kontenut ta’ rapport li kien għamel huwa stess dwar dan il-każ.

Il-każ ikompli nhar it-12 ta’ Jannar 2022. 

Sadanittant, min-naħa tagħha, il-General Workers’ Union offriet l-assistenza legali liż-żewġ uffiċjali korrettivi f’dawn il-proċeduri. Għalihom qed jidhru l-Avukati Herman Mula, Mario Mifsud u Christian Camilleri. 

L-Avukat Rachel Tua dehret parte civile għall-familjari tal-vittma.

Ekonomija

Sport