Thursday, May 21, 2026

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora jniedi Maker Faire Malta 2026

Aqra wkoll

Maker Faire, magħruf globalment bħala l-“Greatest Show (and Tell) on Earth”, ġej Malta għall-ewwel darba bejn it-2 u l-4 ta’ Ottubru 2026. Dan il-festival adattat għall-familja jiċċelebra l-invenzjoni, il- kreattività, l-għaqal prattiku u l-Moviment globali tal-Maker.

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, il-Kalkara, kiseb uffiċjalment il-liċenzja biex jorganizza l-Maker Faire Malta, u laqqa’ flimkien inventuri, kreaturi, inġiniera, artisti, dilettanti, edukaturi, studenti u innovaturi għal ċelebrazzjoni unika tal-kreattività u t-tagħlim prattiku.

L-avveniment, li tnieda uffiċjalment waqt konferenza stampa li saret f’Bormla nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Mejju 2026, se jipprovdi pjattaforma għal makers ta’ kull età u sfond sabiex juru l-proġetti, l-invenzjonijiet, l-esperimenti u l-ideat tagħhom lill-pubbliku. Mir-robotika u l-fabbrikazzjoni diġitali sal-arti, l-artiġjanat, is-sostenibbiltà, l-esperimenti tax-xjenza u t-teknoloġiji interattivi, Maker Faire Malta jiżgura esperjenza ta’ ispirazzjoni u involviment kemm għall-familji, l-istudenti, l-edukaturi u l-intraprendituri kif ukoll għall-persuni kurjużi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, is-Sur Silvio Scerri qal li ċ-Ċentru Interattiv Esplora Interactive Science Centre kien ilu jonqsu dik l-anella importanti ta’ rabta mal-komunità. “Issa, permezz tal-avveniment internazzjonali Maker Faire, din il-viżjoni se ssir realtà, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, il-kreattività u l-involviment tal-pubbliku fix-xjenza u t-teknoloġija.”

Is-Senior Director ta’ Esplora, Mary Anne Cauchi, qalet: “Kburin li qegħdin inġibu l-Maker Faire f’Malta. F’Esplora, aħna kontinwament nistinkaw sabiex inrawmu passjoni għal STEAM — ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Maker Faire huwa mod wieħed kif nistgħu niksbu dan. Irridu li n-nies jirrealizzaw li jistgħu joħolqu, jinnovaw u jibnu l-affarijiet huma stess, u nittamaw li din il-fiera sservi bħala punt tat-tluq għal ideat, kollaborazzjonijiet u opportunitajiet futuri.”

Maker Faire Malta se jittella’ f’Ottubru li ġej fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora fil-Kalkara, u mistenni jattira produtturi lokali u internazzjonali, edukaturi, innovaturi u viżitaturi minn madwar il- gżejjer Maltin.

Min-naħa tagħha id-Deputat Direttur ta’ Esplora, is-Sa Kiki Mizzi qalet: “Aħna rridu nirrikonoxxu u niċċelebraw il-makers lokali tagħna. Dawk in-nies li jiddedikaw għadd ta’ siegħat jibnu, jesperimentaw, jitgħallmu u jikkreaw, ħafna drabi fis-skiet u mingħajr ma jieħdu rikonoxximent. Dawn huma n-nies fil- qalba ta’ Maker Faire Malta.”

Is-sejħa għall-makers u kollaboraturi issa hija miftuħa u se tagħlaq fl-1 ta’ Lulju 2026. Aktar informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni u l-applikazzjonijiet tal-esibituri tinstab hawnhekk:

https://malta.makerfaire.com/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport