Tuesday, December 24, 2024

“Il-booster għal din ix-xitwa hija essenzjali” – id-DPM Chris Fearne

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“II-booster tidher li se tkun qed issalvalna x-xitwa u l-vaganzi tal-Milied għalhekk għal din ix-xitwa hija essenzjali.”

Hekk qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt kollegament telefoniku li għamel waqt programm televiżiv il-Ħadd filgħodu. 

“L-importanti issa huwa biex min hu intitolat u qed jirċievi l-appuntament għall-booster, jaċċetta din l-istedina. Sa issa qed nagħtuha lil dawk li għandhom 70 sena jew aktar, fejn diġà tajna madwar żewġ terzi tal-persuni ta’ din l-età u qed ikun hemm rispons tajjeb ħafna. Fil-ġranet li ġejjin, anzi proprju għada fil-Parlament, se nkun qiegħed inħabbar kif se nimxu bil-kategoriji tal-etajiet oħra,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Aktar qabel waqt l-intervent tiegħu, huwa qal li l-Covid-19 probabilment se tibqa’ magħna għal dejjem. “Ovjament ma tibqax pandemija imma tiġi dik li jgħidulha endemika, jiġifieri bħall-infezzjonijiet oħrajn.”

Żied jgħid: Dak li hemm irrappurtat illum fuq il-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal IT-TORCA huwa rilevanti ħafna. Qegħdin naraw żewġ sitwazzjonijiet. Waħda minnhom huwa dak li ġie rrappurtat imma qed naraw sitwazzjoni oħra ta’ dak lil qed jiġri fil-Lvant tal-Ewropa jiġifieri fir-Rumanija, Bulgarija, Litwanja u l-pajjiżi l-oħra tal-Lvant. Qed naraw sitwazzjoni fejn it-tilqim baqa’ baxx. Ħafna minn dawn il-pajjiżi m’għandhomx fiduċja fis-servizz tas-saħħa tagħhom u allura hemm ħafna xettiċiżmu kontra l-vaċċin. Allura issa li qed tibda tidħol ix-xitwa, qed jerġa’ jkun hemm numru ta’ każijiet tal-Covid-19 u sfortunatament l-isptarijiet f’dawn il-pajjiżi, fejn ir-rata ta’ tilqim baqgħet baxxa, qed jerġgħu jkunu miżgħuda bil-każijiet ta’ Covid-19.”

Semma wkoll dwar sitwazzjoni oħra li qed tidher fejn ir-rata ta’ tilqim hija għolja jew waħda tajba imma kien hemm rilaxx komplut tal-miżuri tad-distanza soċjali.

Huwa rrefera għall-fatt li f’Malta r-rata ta’ tilqim hija għolja u f’pajjiżna l-awtoritajiet ħadu ħsieb biex il-miżuri tad-distanza soċjali jitnaqqsu b’mod gradwali u b’mod studjat. Qal li pajjiżi bħal Malta, is-sitwazzjoni s’issa għadha taħt kontroll. 

Ekonomija

Sport