Sunday, December 22, 2024

IL-BORRA TAL-BIERAĦ

Aqra wkoll

B’nostalġija għal imgħoddi li bilfors rah isbaħ mill-preżent li kien fih, il-poeta Franċiż tal-bidu tar-Rinaxximent Francois Villon kiteb poeżija li fiha staqsa… Imma fejn marret il-borra ta’ żminijiet oħra?

Aktar ma jgħaddu x-xhur aktar qed niltaqa’ ma’ nies… u mhumiex xjuħ… li jfakkruni f’dan il-lament ta’ Villon. Ġeneralment ikunu qed jitbekkew għall-mod kif madwarna l-kampanja qed tisparixxi u ċ-ċentri tal-irħula u l-bliet tagħna, kif ukoll it-trufijiet tagħhom, saru t-teatri ta’ żvilupp bl-addoċċ li qed jibdel il-karattru ta’ fejn ngħixu.

Biex inkun għedt kollox, meta semmejt dal-punt ma’ ħabib tiegħi li jemmen fil-futur, qalli: Ma nesaġerawx. Il-progress ma tistax twaqqfu u f’pajjiżna l-progress jitlaq biss mill-ġebla u ħallik mill-crypto assets u x’naf jien. Wara kollox, bil-poeżija bekkejja tiegħu, ma tarax fejn wasal Villon? Imdendel minn forka!

Kompla jfakkarni kif fl-aħħar mill-aħħar, Villon kien ħalliel xieref u vagabond.

***

AMMISSJONI TA’ ŻBALL FIL-POLITIKA

Hemm min jaħseb li żball fatali fil-politika hu meta tammetti li żbaljajt fuq xi ħaġa. Dawk li jappoġġjawk jitkażaw u jibirdu; dawk li ma tantx jaqblu miegħek jew huma avversarji la se jagħdruk jew jammirawk jew jirrikonoxxu l-onestà/trasparenza li timxi biha. Jiġifieri taqlagħha minn kullimkien.

Mentri skont din il-fehma l-aħjar tattika quddiem żball, anke wieħed lampanti, jkun dak li tibqa’ ssostni li għamilt tajjeb imma tfittex li malajr kemm jista’ jkun, traqqad il-biċċa. Għax in-nies tinsa…

Sal-lum, għadni m’inix żgur liem hi t-tattika tajba. Biss indunajt li l-prattika kienet u baqgħet li indipendentement minn jekk għamiltx żball jew le, u aċċettajtx li għamiltu jew le, l-avversarji żgur se jibqgħu isostnu li għamiltu.

***

RIKLAMI MMIRATI

Fid-dinja diġitali, kontroversja li qamet tikkonċerna l-informazzjoni li tittieħed u tinżamm minn kumpaniji bħal Google dwar min jikkonnettja magħhom. Fuq bażi ta’ miljuni u miljuni, din l-informazzjoni vasta imbagħad tintuża biex isir riklamar immirat (“targeted advertising”) lejn l-utenti tal-internet skont l-interessi u l-gosti li juru fix-xiri tagħhom u fis-siti fejn jidħlu.

Jintqal li b’dal-mod il-kumpaniji diġitali kbar qed jinvadu l-privazija taċ-ċittadini u qed jużaw l-informazzjoni li għandhom biex isaħħu l-bejgħ tagħhom b’mod abużiv.

Dawk li jiddefendu din il-ħidma jsemmu kif il-kumpaniji diġitali l-kbar ibigħu l-indirizzi li għandhom lesti għal reklamar immirat lil kumpaniji żgħar u medji. Mingħajr din l-informazzjoni, dawn l-smes, kif inhuma magħrufa, jkunu kompletament żarmati quddiem il-kompetizzjoni tal-kumpaniji l-kbar fis-setturi tagħhom.  Biha jkunu jistgħu jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi b’effiċjenza aqwa minkejja l-għafsa ta’ kompetizzjoni mill-kbar.

Il-kontroversja għadha għaddejja.  

Ekonomija

Sport