Monday, December 23, 2024

Il-BOV baqa’ b’saħħtu, sostnut u jħares ‘il quddiem

- iċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja l-isfidi maħluqa mill-kriminalità finanzjarja u oħrajn relatati ma’ fatturi kemm fuq bażi lokali u anki internazzjonali, il-Bank of Valletta xorta waħda baqa’ b’saħħtu quddiem dan kollu, sostnut u jħares ‘il quddiem. Ir-reżiljenza tal-Bank kienet fattur importanti biex setgħu jittieħdu miżuri li komplew isaħħu u jipproteġu lin-nies kontra l-kriminalità finanzjarja. 

Sostna dan iċ-Ċermen tal-BOV, Dr Gordon Cordina, f’intervista li kellu ma’ dan is-sit, fejn tkellimna dwar diversi temi li jolqtu kemm lill-Bank of Valletta kif ukoll lis-settur bankarju ta’ pajjiżna. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, li silet magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar inizjattivi oħra li qed jieħu l-Bank u kif dawn qed ikunu ta’ għajnuna għall-klijenti tagħhom. 

Iċ-Ċermen tal-BOV żied jgħid li “ninsabu f’punt tajjeb ħafna fejn il-Bank għandu kemm riżorsi umani kif ukoll ta’ teknoloġija biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu kif jistennew ir-regolaturi mingħajr ma nimponu piżijiet żejda fuq il-klijenti.” 

Huwa sostna li fis-swieq internazzjonali l-Bank kien kapaċi li jsaħħaħ  il-kapital sabiex ikun jista’ jiffinanzja t-tkabbir  fil-futur. Irrefera wkoll għall-fatt li l-Bank żamm ir-rati ta’ interessi stabbli tal-pajjiż filwaqt li issa jinsab f’pożizzjoni wkoll li jħallas dividendi lill-azzjonisti tiegħu li fi kliemu kienu dejjem “ta’ prijorità”.

Dr Cordina, li ilu jokkupa l-kariga ta’ Ċermen tal-BOV sa mill-2020, tkellem ukoll dwar l-istrateġija tal-Bank of Valletta għat-tliet snin li ġejjin li kienet imfassla internament u li se tkun qiegħda tiġi implimentata għall-benefiċċju tal-klijenti. Huwa tenna jgħid li “għelibna numru sew ta’ sfidi li kellna f’dawn l-aħħar snin u nħarsu ‘l quddiem b’aktar fiduċja u ottimiżmu.” 

Dwar il-każ Deiulemar, iċ-Ċermen tal-BOV innota li kien intlaħaq ftehim ta’ soluzzjoni barra l-Qorti u li minkejja li l-Bank ma kellu l-ebda tort fil-kwistjoni, xorta waħda kellu jaffaċċja din is-sitwazzjoni. Hawnhekk huwa nnota kif quddiem din l-isfida, il-Bank għaraf ikun reżiljenti u jieħu d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu.

Mistoqsi dwar il-prospetti ekonomiċi għal pajjiżna, Dr Cordina beda biex qal li l-ekonomija Maltija qiegħda tirpilja sew wara d-daqqa li ħadet fi żmien il-pandemija tal-Covid-19. Fl-istess waqt li kienet reżiljenti sew għal “daqqiet oħra” li kien hemm fuw skala internazzjonali b’referenza partikolari għall-gwerra fl-Ukrajna. 

Huwa sostna li parti mis-sigriet tas-suċċess għal dan kollu kien il-fatt li quddiem dawn iż-żewġ kriżijiet, il-livell ta’ dejn tal-Gvern baqa’ relattivament baxx, fl-istess waqt li l-ekonomija għandha wkoll ħafna likwidità, bid-depożiti fil-banek huma sostanzjali.

“Din ġabitilna stabbiltà li serviet tajjeb għal kulħadd. Jidher ukoll li l-ekonomija tagħna qiegħda tiddiversifika u tikber anke f’dawk is-setturi tradizzjonali bħalma huma t-turiżmu u l-manifattura,” huwa żied jgħid.

Sostna ukoll li l-mod ta’ kif inħarsu lejn il-futur huwa billi ninvestu b’aktar bilanċ. “Dawn l-aħħar għaxar snin il-pajjiż iffoka fuq il-ħolqien ta’ impjiegi, u fuq attività, ta’ negozju ġdid. Issa rridu nsarrfu dan il-ġid f’investiment sabiex intejbu l-ambjent naturali, l-ambjent fiżiku li qed nibnu aħna u s-soċjetà tagħna ma nħalluhiex tbati minn konsegwenzi ta’ żvilupp ekonomiku żejjed.” 

Dr Cordina enfasizza li l-viżjoni għandha tkun li pajjiżna huwa hub fir-reġjun tagħna fejn wieħed jagħżel li jaħdem, jiddeverti, li jiġi biex jitgħallem u b’hekk nagħmlu pajjiż sabiħ, attraenti għal ħaddieħor u anke għalina li ngħixu fih.

“Importanti li kulħadd ikun konformi ma’ din il-viżjoni u aħna bħala Bank hemm qegħdin. Jekk l-aħħar għaxar snin kienu dwar il-ġlieda fil-kriminalità finanzjarja, u issa wasalna fi stat relattivament avvanzat, l-għaxar snin li ġejjin se jkunu dwar l-ambjent, is-soċjal u l-governanza. M’għandniex nitkellmu biss fuq setturi imma li kull settur nittrasformawh u nagħmluh effiċjenti bl-approċċ tal-ESG.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, qal li jekk wieħed iħares lejn ir-riżultati finanzjarji tal-Bank f’dawn l-aħħar snin, l-akbar diverġenza li kien hemm kien fir-rigward tal-każ Deiulemar. Però meta wieħed iħares lejn il-core business fejn jidħol is-self kummerċjali u self personali u dak għad-djar, il-Bank kompla jikber u jirreġistra titjib matul is-snin.

“Ħabbarna r-riżultati għall-ewwel disa’ xhur tal-2023 u daqt inħabbru dawk għas-sena li għaddiet. Sa Settembru 2023 rreġistrajna andament pożittiv ħafna. Fil-kamp tad-dħul minn negozju ieħor bal dak tal-investiment, pagamenti u brokerage bqajna fit-total tiegħu nirreġistraw l-istess livell tas-snin ta’ qabel.” qal is-Sur Farrugia.

Huwa żied li setgħet tiġi nnutata bidla fil-mod ta’ kif il-klijenti jeżegwixxu l-pagamenti tagħhom, fejn iċ-ċekkijiet naqsu, żdiedu t-tranżazzjonijiet li qed isiru b’mod diġitali u aktar nies qed jużaw il-card biex iħallsu jew jagħmlu pagamenti bil-mobile sabiex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fost oħrajn. 

“Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed naraw dan it-take up jiżdied… bħala Bank dejjem ipprovajna nżommu bilanċ bejn iċ-channels diġitali li qed ikomplu jiżviluppaw u jinbidlu u channels fiżiċi. Għalkemm għalaqna xi fergħat fejn ħassejna li kien hemm preżenza qawwija fl-inħawi, wessajna l-ħin fejn klijent jista’ jinqeda. Għandna għaxar fergħat li jiftħu sas-7.00 p.m. darba fil-ġimgħa filwaqt li għall-anzjani għamilna ħin preferenzjali sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi offruti mill-Bank fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt,” kompla jispjega s-Sur Farrugia.

Huwa tenna wkoll li saret enfasi qawwija fil-qasam tal-governanza u r-risk management, fejn ġew imsaħħa l-istrutturi tal-Bank. Ir-riżultati miksuba minn dan it-tisħiħ wasslu biex il-Bank jilħaq l-aspettativi tar-regolaturi tiegħu.

Finalment, huwa sostna li l-BOV se jassigura li jsir aktar investiment dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u bħala Bank se jassiguraw, jinkoraġġixxu u jinċentivaw lil min irid imur f’dik id-direzzjoni.

Ekonomija

Sport