Sunday, May 19, 2024

“Se nkun il-leħen taż-żgħir… il-ħaddiema u l-familji tagħhom jibqgħu prijorità”

- Jesmond Marshall, Kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-PE

Aqra wkoll

Il-Kandidat Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Jesmond Marshall iddikjara ma’ dan il-ġurnal li se jkun qed jaħdem biex ikun il-leħen iż-żgħir u li għalih, il-ħaddiema u l-familji tagħhom jibqgħu prijorità assoluta. 

Il-kandidatura tas-Sur Marshall, li ġej mill-kamp trejdunjonistiku, kienet approvata mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista fil-jiem li għaddew. Ma’ Talk News, huwa beda biex semma kif l-Ewropa jeħtieġ li tagħti kas aktar tal-effetti li jista’ jkun hemm fuq ħaddieħor b’riżultat ta’ ċertu miri li jkunu qed jiġu ssettjati, u ġab bħala eżempju l-Green Deal. 

Qal ukoll li se jkun qed jaħdem biex jara li l-interessi ta’ Malta jkunu salvagwardjati u fl-istess ħin jiddefendi isem pajjiżna. “Meta tagħmel ħsara lil Malta ma tweġġax lil-Laburisti biss, iżda lill-Maltin kollha,” tenna s-Sur Marshall.

Huwa temm jappella lin-nies biex jivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista. Wissa wkoll biex noqogħdu attenti mill-populiżmu u sabiex ma noqogħdux nibbażaw wisq fuq dik li sejħilha “l-politika tal-Facebook”.

Min hu Jesmond Marshall?

Jesmond Marshall twieled fl-1 ta’ Diċembru tal-1965 fl-Imtarfa. Huwa beda l-edukazzjoni tiegħu fi skola ta’ Beningharia f’Ċipru u eventwalment kompla fl-iskola primarja u dik sekondarja ta’ Raħal Ġdid. Segwa wkoll kors ta’ sentejn fil-Kulleġġ għall-Istudji fit-Turiżmu. 

Fl-1984 beda l-karriera tiegħu bħala Health Assistant għal erba’ snin sal-1988. Aktar tard fl-1988 daħal jaħdem ma’ kumpanija tat-Tarzna u u fl-1994 ġie nkarigat mis-superviżjoni tal-imħażen tat-Tarzna. Fl-2003 hu kien wieħed fost id-900 ħaddiem li tneħħew mit-Tarzna. 

Sa minn żgħożitu, huwa kien attivist tal-Partit Laburista. Ta’ 15-il sena kien issieħeb fil-kumitat tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti ta’ Santa Luċija. Huwa kien elett ukoll membru fil-kumitat lokali ta’ Santa Luċija u aktar tard fil-kumitat lokali ta’ Tas-Sliema. Għal diversi snin ħadem qatigħ dwar każijiet kontra l-inġustizzji fi hdan il-Partit Laburista. Minbarra l-involviment politiku tiegħu, Jesmond kien ukoll attivist ferventi fil-qasam trejd unjonistiku. 

Jesmond illum jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU fejn kien strumentali biex jintlaħaq ftehim mal-Gvern Malti biex iktar minn 500 familja ta’ ħaddiema jingħataw kumpens mingħajr il-bżonn li jmorru l-qorti wara li mardu bil-kanċer b’rabta mal-asbestos fuq il-post tax-xogħol. Riċentament, daħal ukoll f’diskussjonijiet bil-għan li jintlaħaq ftehim mal-eks ħaddiema tat-Tarzna li fl-2003 kienu daħlu każ fit-Tribunal Industrijali. 

Fuq livell Ewropew, Jesmond Marshall huwa membru tal-Eżekuttiv tal-European Federation of Building and Woodworkers (EFBWW). Huwa wkoll membru tal-Health and Safety Committee tal-istess federazzjoni. 

Jesmond huwa miżżewweġ lil Marylou u għandhom tifel.

Sport