Il-Bank of Valletta qed isaħħaħ l-impenn tiegħu għall-innovazzjoni bankarja diġitali u s-servizzi għas-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa, filwaqt li jiżgura li l-klijenti, inkluż in-negozji jkollhom aċċess għal soluzzjonijiet ta’ pagamenti bla xkiel, siguri u innovattivi. Waqt li żaru lit-timijiet tal-eBanking, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, flimkien ma’ Simon Azzopardi, Chief Personal & Wealth Officer, u Chris Degabriele, Kap tal-eBanking, iddiskutew it-trasformazzjoni diġitali li għaddej minnha l-Bank u l-benefiċċji tal-klijenti permezz ta’ soluzzjonijiet aħjar ta’ ħlas. Il-Kap Eżekuttiv irringrazzja personalment lit-timijiet tal-eBanking għall-isforzi tagħhom biex jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali tal-Bank.
Hekk kif aktar klijenti qed jagħżlu li jħallsu b’mod diġitali, in-negozji jeħtieġu soluzzjonijiet effiċjenti, affidabbli u siguri biex jissodisfaw l-aspettattivi tal-klijenti tagħhom. Il-BOV qed itejjeb is-servizzi tiegħu għas-sidien tal-ħwienet u għall-bejjiegħa billi joffrilhom l-għażla li jaċċettaw pagamenti aktar avvanzati. Dan waqt li qed itejjeb is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet, u jiżgura li n-negozji jkunu jistgħu jipproċessaw il-pagamenti mingħajr kuntatt – kemm jekk permezz tal-mobile jew online.
Kenneth Farrugia faħħar lit-timijiet tal-eBanking għad-dedikazzjoni tagħhom fl-għoti ta’ servizzi tal-ogħla livell għas-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa. “In-negozjanti tagħna huma fil-qalba tal-ekonomija, u r-rwol tagħna huwa li niżguraw li jkollhom l-għodod ta’ pagament xierqa biex jikbru u jirnexxu. Il-mod kif il-klijenti jħallsu qed jinbidel, u l-BOV huwa impenjat li jipprovdi lin-negozji b’soluzzjonijiet aktar intelliġenti, aktar rapidi u aktar siguri,” qal il-Kap Eżekuttiv.
Chris Degabriele elenka kif il-Bank qed ikabbar it-timijiet tiegħu bil-għan li jipprovdi appoġġ lin-negozjanti. “Qed insaħħuhom biex nindirizzaw id-domanda li qed tiżdied għal soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali. Aktar negozji qed iħaddnu tranżazzjonijiet mingħajr kuntatt u permezz tal-mobile, u aħna qegħdin hawn biex dik it-tranżizzjoni ssir bla xkiel għalihom,” huwa spjega.
Simon Azzopardi saħaq fuq il-viżjoni tal-Bank dwar l-użu tal-kards bħala mezz ta’ pagament. “In-negozji jeħtieġu aktar minn sempliċiment POS — jeħtieġu sieħeb li jifhem il-ħtiġijiet tagħhom u jgħinhom jadattaw għax-xejriet tal-klijenti li qed jinbidlu. Qed nirfinaw kontinwament is-servizzi tagħna u qed nevolvu biex niżguraw li n-negozji jkunu jistgħu joffru għażliet ta’ pagament aktar rapidi, aktar siguri u aktar versatili,” huwa nnota.
Bit-tranżazzjonijiet diġitali qed jiżdiedu, il-BOV qed ikompli jinvesti fis-servizzi għas-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa bil-għan li n-negozji jkunu jistgħu joperaw bla xkiel u jirnexxu. Permezz tat-tisħieħ tal-funzjoni tal-Card Acceptance, it-tkabbir tal-kapaċitajiet diġitali tiegħu, u t-tisħieħ tat-timijiet ta’ esperti tiegħu, il-Bank qed iwitti t-triq għal futur ta’ pagamenti aktar intelliġenti u effiċjenti.