Saturday, December 21, 2024

Il-BOV joħroġ twissija oħra dwar scams ġodda

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ħareġ twissija fejn iħeġġeġ lill-klijenti joqogħdu attenti minn sensiela ta’ scams ġodda li bħalissa qegħdin fiċ-ċirkolazzjoni.

Xi wħud minn dawn l-iscams ġodda huma fil-forma ta’ messaġġi bl-SMS li jinkludu links għal siti foloz, li jsostnu li l-kards tad-debitu jew tal-kreditu tal-klijenti, jew il-password tagħhom, ġew imblukkati u jitolbu lill-vittmi biex jikklikkjaw fuq il-link biex jagħtu dettalji dwar il-kards jew passwords tagħhom.

Scams oħra huma twissijiet dwar tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, fejn il-klijenti jintalbu jdaħħlu dejta tal-kard tagħhom biex jikkanċellaw dawn it-tranżazzjonijiet. SMSs oħra jwissu lill-klijenti li l-firma tal-mowbajl tagħhom hija ristretta u jitolbuhom jidħlu f’sit li jidher bħala l-BOV internet banking biex jirrilaxxaw il-firma.

Importanti li wieħed jirrimarka li xi SMSs qed jidhru fl-istess lista ta’ SMSs li joriġinaw b’mod leġittimu mill-BOV, u b’hekk iqarrqu lill-klijenti billi jagħtu l-impressjoni li l-BOV qed jibgħat dan il-messaġġ. Il-frodisti qed jużaw ukoll emails biex iqarrqu bil-vittmi.

Dawn l-aħħar scams huma kollha mfassla biex iqarrqu lill-vittmi biex jieħdu ‘azzjoni urġenti’ u jagħtu informazzjoni finanzjarja sensittiva bħal numri tal-kontijiet bankarji, passwords, dettalji tal-kards, jew jawtorizzaw tranżazzjonijiet finanzjarji. Importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-Bank of Valletta ma jibgħatx SMSs li jkun fihom links għal websajts. Il-klijenti qatt m’għandhom jikklikkjaw fuq links li jidhru f’messaġġi SMS, anki jekk dawn jidhru mibgħuta mill-Bank, u qatt m’għandhom jagħtu informazzjoni sensittiva.

Il-Bank qatt ma jitlob numri tal-kont jew tal-kards b’mod sħiħ, dettalji CVV tal-kards (it-3 ċifri fuq wara tal-kard), PIN tal-kards, passwords tal-internet jew tal-mobile banking, kodiċi, firem, jew multi-factor authentication. L-impjegati tal-Bank qatt mhu se jitolbu lill-klijenti informazzjoni li twassalhom biex iwettqu transazzjonijiet finanzjarji bit-telefon.

Il-Bank iħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun viġilanti u kawt il-ħin kollu. Meta jkollhom dubju l-klijenti huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-Bank immedjatament billi iċemplu fuq in-numru 2131 2020 u b’hekk jagħmlu kuntatt dirett maċ-Ċentru tas-Servizzi tal-Klijent tal-BOV, fejn ikunu jistgħu jivverifikaw kull telefonata jew SMSs li jkunu rċevew.​

Ekonomija

Sport