Wednesday, April 24, 2024

Il-BOV u l-Malta Development Bank qrib in-negozji lokali b’pakkett ġdid ta’ finanzjament COVID-19

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta flimkien mal-Malta Development Bank (MDB), nedew il-‘BOV-MDB COVID Assist’, skema ta’ finanzjament li l-għan tagħha huwa li tassisti lin-negozji lokali li qed jiffaċċjaw problemi mingħajr preċedent li ġabet magħha il-pandemija COVID-19.

Il-BOV-MDB COVID Assist (BMCA) ġie żviluppat taħt l-‘Iskema ta’ Garanzija COVID19’ tal-MDB biex tipprovdi aċċess għall-finanzjament għan-negozji lokali kollha li qed jiffaċċjaw sfidi relatati mal-COVID-19, kemm jekk ikunu intrapriżi żgħar u medji (SMEs) kif ukoll kumpaniji kbar. Dan ser jippermettilhom li jissodisfaw il-bżonnijiet kapitali tan-negozju, jgħinhom fl-ispejjeż operattivi bħalma huma l-pagi u s-salarji tal-impjegati, il-kontijiet, invoices pendenti, xiri ta’ stokk, spejjeż ta’ manutenzjoni u spejjeż oħra essenzjali biex in-negozju jkun jista’ ikompli jimxi sew.

L-SMEs jistgħu jissellfu sa ammont massimu ta’ €4 miljun, filwaqt li l-intrapriżi kbar jistgħu japplikaw għal ammont li jlaħħaq sa €8 miljun, dejjem skond l-approvazzjoni tal-Bank fuq is-self. Il-ħlas lura jkun fuq terminu ta’ bejn 18 u 72 xahar, u dan jinkludi moratorju ta’ sitt xhur li jista’ jiġi estiż għal sena skont iċ-ċirkostanzi partikolari tan-negozju.

“Għal darb’oħra, il-Bank of Valletta se jkun qed jappoġġja lill-komunità lokali tan-negozju billi jipprovdi likwidità tant meħtieġa u faċilitajiet ta’ kapital ta’ xogħol f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida,” stqarr Albert Frendo, Chief Credit Officer fi ħdan il-Bank of Valletta. “Mill-bidu nett ta’ din il-pandemija, nedejna numru ta’ inizjattivi biex ngħinu lill-klijenti tan-negozju. Issa, permezz tal-kollaborazzjoni fit-tul tagħna mal-MDB, se nkun qed noffru aktar miżuri ta’ appoġġ fuq kreditu b’rati ta’ imgħax attraenti u inklużivi, li jibdew minn rata fissa ta’ 2.5% għall-ewwel sentejn, mingħajr ħlasijiet addizzjonali. Bħalissa qed niddiskutu mal-MDB kif il-klijenti tan-negozju se jiġu rimborżati bir-rifużjoni tal-interessi, kif imħabbar riċentement mill-gvern.”

“Fil-Bank of Valletta, aħna determinati li niżguraw li l-SMEs, il-mutur tal-ekonomija tagħna, jibbenefikaw minn proposta attraenti ħafna matul dan il-perjodu diffiċli u li l-BOV-MDB COVID Assist jipprovdi l-injezzjoni tal-likwidità tant meħtieġa lin-negozji lokali tagħna u l-ekonomija”, ikkonkluda s-Sur Frendo.

“Il-Gvern ta’ Malta alloka fondi ta’ €350 miljun lill-Malta Development Bank biex tiġi stabbilita l-Iskema ta’ Garanzija MDB COVID-19 bl-iskop li tiggarantixxi self mill-banek kummerċjali lin-negozji li jiffaċċjaw diffikultajiet mingħajr preċedent ta’ cash-flow. Il-Bank of Valletta huwa l-ewwel bank li laħaq il-kriterji tal-MDB u issa huwa akkreditat biex jgħin lill-klijenti tiegħu taħt din l-iskema”, iddikjara l-Professur Josef Bonnici, President tal-MDB. “Il-BOV-MDB COVID Assist se jagħti nifs tant meħtieġ lin-negozji billi jiżgura li jkun hemm kreditu fejn dan huwa tant meħtieġ. Dawn il-fondi se jinagħtaw direttament lin-negozji ta’ kwalunkwe daqs u f’kwalunkwe settur sabiex jgħinu lill-ekonomija Maltija biex tipproteġi l-impjiegi u tkun f’pożizzjoni li tirkupra u terġa’ lura fil-pass ta’ attività ekonomika fl-anqas żmien possibli.’

Din l-iskema se tkun disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2020. In-negozji li jixtiequ jieħdu benefiċċju mill-BOV-MDB COVID Assist għandhom jibagħtu imejl lil [email protected], jew jekk huma klijenti tal-BOV lir-Relationship Manager tagħhom, il-Business Centre jew Corporate Centra tal-Bank. Iktar informazzjoni ta’ kif wieħed jista’ japplika tinstab fuq https://www.bov.com/content/bov-mdb-covid19-assist.

Sport