Sunday, December 22, 2024

Il-BOV u l-MFA jiffirmaw ftehim ġdid ta’ kollaborazzjoni

Aqra wkoll

Bħala l-aktar dixxiplina sportiva popolari bl-akbar numru ta’ parteċipanti f’Malta, il-Futbol għandu s-setgħa li jgħaqqad il-komunità, filwaqt li jtejjeb is-saħħa ta’ pajjiżna. Din hija l-bażi tal-kollaborazzjoni l-ġdida bejn il-Bank of Valletta u l-Malta Football Association.

Il-bażi ta’ dan il-ftehim il-ġdid hija r-relazzjoni mal-Komunità, l-Inklużività u d-Diversità, taħriġ sostenibbli, ir-riżorsi u l-appoġġ volontarju ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia u s-COO Ernest Agius. Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo, u s-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti iffirmaw f’isem il-Malta Football Association.

‘L-istrateġija wara din il-kollaborazzjoni hi li l-individwi, irrispettivament mis-sess, razza, jew reliġjon jibnu relazzjoni dejjiema mal-futbol, ​​bil-benefiċċji personali, fiżiċi u komunitarji kollha li dan iġib miegħu’ qal il-Kap Eżekuttiv tal-BOV. ‘L-appoġġ tal-Bank se jgħin lill-MFA biex tiżgura li t-tfal ikollhom iċ-ċans li jipparteċipaw f’dan l-isport minn eta żgħira u jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attività fiżika ta’ kwalità għolja filwaqt li jiżviluppaw imħabba bikrija għal-logħba, u fl-aħħar mill-aħħar isiru l-protagonisti tal-futur tal-logħba Maltija.’

“Din is-sena, aħna fil-Bank of Valletta qed niċċelebraw il-50 Anniversarju tagħna, u filwaqt li nirriflettu fuq il-kisbiet u s-suċċessi tal-passat tagħna, u l-kontribut għall-isports u l-benessri fiżiku fil-komunità tagħna, aħna ħerqana li nistabbilixxu miri ġodda u nħaddnu sfidi ġodda u l-okkażjoni tal-llum hija xhieda ta’ sħubija dejjiema b’viżjoni ġdida li tkun ta’ benefiċċju għall-komunità tal-futbol Malti,’ kompla s-Sur Farrugia.

‘Din is-sena timmarka l-20 sena konsekuttiva ta’ kollaborazzjoni bejn il-Malta FA u l-Bank of Valletta. Hija sħubija fit-tul li tibbenefika lill-komunità tal-futbol, ​​li tiffoka mhux biss fuq l-aspetti kummerċjali iżda prinċipalment fuq ir-rabta bejn l-edukazzjoni u l-isport. Hawnhekk fil-Malta FA, aħna kuntenti ħafna li nkomplu nikkollaboraw mal-Bank u nħarsu ‘l quddiem biex naħdmu fuq ħafna aktar proġetti strateġiċi flimkien.’ qal il-President tal-MFA.

Ekonomija

Sport