Id-Danimarka kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra Wales f’Parken Stadium fil-UEFA Nations League, u b’hekk kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva kontra l-istess avversarji.
Id-Daniżi bdew il-logħba fuq quddiem u ħolqu diversi opportunitajiet fl-ewwel taqsima. Gustav Isaksen u Patrick Dorgu resqu viċin li jiftħu l-iskor, filwaqt li goal ta’ Isaksen ġie annullat wara intervent tal-VAR minħabba offside. Mikkel Damsgaard imbagħad ħabat mal-lasta bil-ballun tiegħu minn barra l-kaxxa.
Wales gradwalment bdew jidħlu fil-logħba u lejn tmiem l-ewwel taqsima ħolqu ftit periklu. Sorba Thomas xeħet barra, filwaqt li Connor Roberts kellu xutt mill-viċin salvat minn Filip Jorgensen. Neco Williams kompla jhedded fil-bidu tat-tieni taqsima, iżda l-goalkeeper Daniż kien attent.

Id-Danimarka fetħu l-iskor fil-55 minuta. Free-kick ta’ Damsgaard fil-kaxxa mess ma’ Rasmus Hojlund u mbagħad ma’ Ben Davies, qabel ma l-ballun spiċċa fix-xibka wara Danny Ward.
Wales ippruvaw jirreaġixxu, iżda d-Danimarka rdoppjaw il-vantaġġ ftit wara. Wara li Wales naqsu li jikklerjaw il-ballun minn azzjoni ta’ free-kick, Isaksen approfitta u spara xutt bil-ballun jaħbat man-naħa ta’ taħt tal-mimduda qabel spiċċa fix-xibka.
Hojlund kellu gowl annullat lejn it-tmiem minħabba offside, iżda d-Danimarka żammew il-vantaġġ sa tmiem il-partita.





