Monday, May 13, 2024

“Il-burokrazija minn Brexit hi ta’ wġiegħ ta’ ras”

Aqra wkoll

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, Franco Azzopardi: “Qed nippruvaw insibu saqajna u għadna ma nafux eżatt kif se jintlaqat il-kummerċ”

Minn Victor Vella

Għaddew proprju ġimagħtejn minn meta bdiet era ġdida għar-Renju Unit u r-relazzjoni mal-Unjoni Ewropea hekk kif intemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni u r-Renju Unit ma baqgħax jagħmel parti fis-suq wieħed Ewropew. Dawn l-ewwel jiem xejn ma kienu faċli għal dawk li jġibu l-kummerċ lejn pajjiżna jiġifieri ix-xufiera ta-trakkijiet, l-importaturi u kumpaniji tal-loġistika. Fi kliemhom stess, dawn l-ewwel jiem kienu karatterizzati minn inċertezza u fuq kollox burokrazija.  Mistoqsija li sa issa għad m’hemmx tweġiba ċara għaliha imma li qed toħloq tħassib fost ħafna, hi dik ta’ jekk hux se jispiċċaw jogħlew fil-prezz prodotti li jkunu ġejjin mir-Renju Unit. 

Inewsmalta tkellmet ma’ Franco Azzopardi, Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-loġistika f’pajjiżna. Tkellimna magħhom dwar dak li esperjenzaw fl-aħħar jiem. 

Franco Azzopardi, meta mistoqsi dwar kif il-kumpanija ġiet affettwata sa issa bi Brexit qalilna li “kif konna qed nistennew, hemm element qawwi ta’ burokrazija. Dan bħal fiż-żmien meta Malta kienet għadha mhux msieħba fl-Unjoni Ewropea u kif forsi wieħed jista’ jiftakar, kellna ħafna xogħol ta’ mili ta’ formoli u kellna nimplimentaw proċeduri ta’ kontroll. Meta pajjiż li mhuwiex parti mill-Unjoni Ewropea jesporta lejn l-UE, id-dazju teknikament jiskatta mad-dħul fil-pajjiż fejn il-prodotti jkunu qed jidħlu l-ewwel fl-UE. Biss, u għaldaqstant jeżistu konċessjonijiet li jipposponu l-ħlas tad-dazju sakemm it-tagħbija tasal fil-pajjiż destinatarju. Il-kumpanija li tkun qed iġġorr din il-merkanzija, bħalna, tispiċċa mgħobbija bir-responsabbiltà li trid iġġorr merkanzija u taqsam diversi fruntieri ta’ pajjizi fl-UE, li fuq l-istess merkanzija jkun għadu ma tħallasx dazju, u liema dazju jispiċċa jitħallas meta l-merkanzija tasal fil-pajjiż destinatarju, per eżempju Malta. Jiġifieri issa, kull darba li kumpanija f’Malta timporta mir-Renju Unit, se jkollha tħallas id-dazju hawn Malta jekk il-prodotti ma jkunux ta’ oriġini mir-Renju Unit. Biex isir hekk, minħabba illi il-vjaġġ mill-Ingilterra ser imiss l-ewwel art ġo l-UE li tkun Franza, u fi triqtha lejn Malta trid ukoll tidħol ġo l-Italja, aħna jrid ikollna dokumentazjoni maħruġa mill-esportatur Ingliż u mgħoddijja mill-aġenti tad-dwana Ingliża, b’garanziji lid-dwana Ewropeja li d-dazju ser jitħallas jiġri x’jiġri ladarba l-merkanzija tkun messet art Ewropea.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailer qalilna li “bis-saħħa ta’ dawn id-dokumenti aħna nkunu nistgħu niċċirkolaw ġewwa l-UE mingħajr ma jkollna nħallsu dazju mkien sakemm naslu Malta. Għalhekk, l-esportatur, f’dan il-każ il-bejjiegħ Ingliż, irid jipprepara d-dokumentazzjoni kollha u jtella’ l-informazzjoni fuq sistema diġitali li ġiet implimentata bħala parti mit-tħejjijiet għal Brexit u li bħalissa għadha qed tkun ittestjata mill-esportaturi u l-awtoritajiet Ingliżi. Din hija biss spjegazzjoni simplifikata tal-kumplessità kollha li ġabet magħha Brexit. Lanqas biss mhu se noqgħod insemmi l-ħinijiet twal ta’ stennija, id-dewmien, il-volum mitluf fit-trailers li ma jistax jintuża minħabba li l-karti u d-dokumentazzjoni kollha tkun diġa magħluqa, ħsarat fis-sistemi, tħejjija tad-dokumenti kollha kemm fir-Renju Unit kif ukoll f’Malta kif ukoll l-ispejjeż żejda u assigurazzjoni iżjed għolja fuq il-valur tat-tagħbija f’każ li din tintilef jew issirilha ħsara. Il-lista hija tabilħaqq twila ħafna! U biex l-affarijiet ikomplu jsiru iżjed diffiċli, l-Ingliżi ddeċidew ukoll li jbiddlu r-regolamenti ta’ ‘cabotage’ – mossa maħsuba biss sabiex tipproteġi l-interessi tal-burdnara Ingliżi (l-istess kif għamlet l-Unjoni Ewropea meta ħabbret il-EU Mobility Package tagħha). Fil-fatt, filwaqt li fl-UE nistgħu nieqfu tlett darbiet (biex niġbru jew inħottu l-merkanzija) f’pajjiż partikolari u f’temp ta’ 7 ijiem, ir-Renju Unit naqqas dan għal żewġ waqfiet biss f’7 ijiem. Li jkompli jżid mad-diffikultajiet loġistiċi li diġa qed ikollna naffaċċjaw.”

Il-burokrazija hi uġiegħ ta’ ras u ttellfina

Mistoqsi dwar il-burokrazija ġdida li ddaħlet fosthom il-mili ta’ formoli, u kif din affettwathom, il-Kap Eżekuttiv Franco Azzopardi qalilna li “l-burokrazija hija uġiegħ ta’ ras u waħda mill-affarijiet li tista’ ttellfina. M’aħniex insemmu t-taħriġ li rridu nagħtu lix-xufiera tagħna sabiex niżguraw li l-klijenti tagħna, kemm jista’ jkun, ma jkollhomx intoppi. Xorta waħda nistgħu ninqabdu f’dewmien u allura spejjeż, jekk kemm-il darba malli niġu biex naqsmu għal ġewwa l-UE, id-dwana ttina bandiera ħamra li jkun ifisser illi jew hemm xi difett fil-proċess ta’ dokumentazzjoni anke diġitali, jew inkella jkunu qed jagħmlulna spot-check biex jivverifikaw il-kontenut tat-tagħbija ġewwa t-trailer. La aħna u lanqas l-Ingliżi m’aħna mdorrijin u mħarrġin għal dawn il-proċeduri u ser jgħaddi ż-żmien sakemm nibdew nidrawhom.”

Brexit ifisser żieda fl-ispejjeż?….żieda fl-ispejjeż dejjem se jkun hemm

Ma stajniex ma nistaqsuhx dwar iż-żieda fl-ispejjeż marbutin mal-proċeduri li ddaħħlu u kif dawn se jkunu qed jaffettwaw kumpaniji f’Malta. Dwar dan, il-Kap Eżekuttiv Franco Azzopardi qalilna li “żieda fl-ispejjeż dejjem se jkun hemm. Għadu kmieni ħafna u għadna qed nippruvaw insibu saqajna biex insibu l-aħjar soluzzjonijiet biex nagħtu s-servizz ta’ loġistika lill-Maltin u lill-klijenti bi professjonalita hekk kif dejjem għamilna. Irrid ngħid illi anke is-service providers, l-aġenti, il-korrespondenti, ir-rappreżentanti tad-dwana Ingliża u anke dawk Ewropej għadhom qed isibu saqajhom u jipprovaw ifasslu soluzzjonijiet ekonomiċi u effiċjenti. Se nkunu qed inżommu lill-klijenti tagħna aġġornati bl-iżviluppi hekk kif is-sistema tibda toqgħod u tistabilizza ruħha”.

Possibiltà li jonqos l-ammont ta’ prodotti mir-Renju Uni?….’sa issa għad hemm ħafna inċerrtezza”

Xi ħaġa li ħafna qed jitkellmu dwarha u jitħassbu fuqha hi dik tal-possibilità li jista’ jkun li jonqos l-ammont ta’ xogħol fi prodotti li jiġu mir-Renju Unit. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers jenfasizza li “dan jiddependi ħafna mill-impreditur aktar milli minna. L-imprenditur Malti għandu rabta b’saħħitha mas-suq Ingliż u naħseb illi l-volum ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi hemm se jibqa’. Għalissa, għad hemm ħafna inċertezza u ħadd għadu ma jaf eżattament kif se jintlaqat ix-xogħol li jinġieb mir-Renju Unit għal Malta. Jista’ jkun li jonqos, jew inkella, jekk in-negozji fl-Ingilterra jagħrfu jkunu iżjed kreattivi fil-mod kif jesportaw in-negozju tagħhom, kapaċi jirnexxielhom itaffu l-impatt ta’ Brexit fuq is-suq. Bħalissa, l-impenn ta’ kulħadd huwa li jifhem x’inhuma l-problemi u l-intoppi ewlenin u kulħadd qed jagħmel li jista’ biex isolvihom”.

Itenni li “ser jinstabu metodi ġodda bħal per eżempju, merkanzija li tiġi minn barra l-UE imma li tkun impurtata u mibjugħa minn imprenditur Ingliż, illi jibda’ jwassalha u jaħżinha ġewwa maħżen fl-UE. B’hekk dik il-merkanzija tiġi mgħobbijja minn maħżen li diġa jkun jinsab fl-UE meta l-imprenditur Ingliż ibiegħha. Għad irridu naraw ċerta movimenti dinamiċi hekk kif dejjem jiġri. Soluzzjonijiet se jinstabu b’xi mod jew ieħor. Wara kollox dan huwa xogħolna bħala speċjalisti fil-loġistika!”.

Sport