Il-bus lane bejn Tas-Sliema u l-Gżira se terġa’ tinfetaħ għal Black Friday u l-Milied

Aqra wkoll

Enemalta se tlesti l-ewwel fażi tax-xogħlijiet tagħha ta’ tqegħid ta’ cables tul ix-xatt bejn il-Gżira u Tas-Sliema sas-26 ta’ Novembru, biex il-bus lane tkun tista’ terġa’ tinfetaħ għal Black Friday u tibqa’ miftuħa matul il-perjodu tal-Milied.

Bħala parti mit-tlestija tal-ewwel fażi, ser jitneħħew il-barriers u jingħalqu t-trinek, biex it-traffiku jkun jista’ jerġa’ jagħmel użu sħiħ mill-bus lane matul il-perjodu tal-festi.

Wara diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u rappreżentanti tal-komunità kummerċjali lokali, ix-xogħlijiet tqassmu f’fażijiet biex kemm jista’ jkun jitnaqqas l-inkonvenjent matul il-perjodu tal-festi. Il-fażi li jmiss tax-xogħlijiet se tibda fl-4 ta’ Jannar 2027.

Ix-xogħlijiet, li bdew il-ġimgħa l-oħra, huma essenzjali biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li sservi lill-Gżira u ċ-ċentru ta’ Tas-Sliema, fejn id-domanda għall-elettriku żdiedet b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin.

Enemalta qed tqiegħed 4.5 kilometri ta’ cables ta’ 11kV bejn iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Manoel Island u Tas-Sliema, biex tinħoloq konnessjoni diretta b’kapaċità ogħla lejn iċ-ċentru ta’ Tas-Sliema. Qed jitqiegħdu wkoll 2.7 kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ baxx biex tkompli tissaħħaħ is-sistema ta’ vultaġġ baxx fiż-żona.

Il-cables il-ġodda se jżidu l-kapaċità tan-network u jsaħħu l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku fiż-żona. Enemalta se tkompli tikkoordina l-fażijiet differenti tal-proġett biex kemm jista’ jkun tillimita l-impatt tax-xogħlijiet fuq ir-residenti, in-negozji u t-traffiku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport