Wednesday, July 24, 2024

Il-clubs tal-Premier League favur pjan dwar l-infiq

Aqra wkoll

Il-clubs tal-Premier League Ingliż ivvu­taw favur l-iżvilupp ta’ pjani biex jiġi introdott limitu għall-infiq. Sittax-il club approvaw proposti għall-Premier League biex jitlesta l-aħħar analiżi ekonomiku u legali meħtieġa biex jinħoloq mudell ta’ limitu tal-infiq.

Il-mudell jista’ jiġi ppreżentat lill-clubs fil-laqgħa ġenerali annwali ta’ Ġunju, u jekk jiġi vvutat permezz tiegħu jieħu post ir-Regoli tal-Qligħ u Sostenibbiltà (PSR) attwali mill-istaġun 2025-26 ‘il quddiem.

Manchester City, Manchester United u Aston Villa opponew l-introduzzjoni possibbli ta’ limitu għall-infiq nhar it-Tnejn, filwaqt li Chelsea astjenew.

Ir-regoli finanzjarji attwali tal-kampjonat, li taħthom Everton u Nottingham Forest ġew penalizzati tmien punti u erba’ punti rispettivament dan l-istaġun, ġew ikkritikati talli jiffavorixxu clubs bl-ogħla dħul.

Limitu tal-infiq jillimita n-nefqa tal-clubs fuq it-trasferimenti, il-pagi u l-miżati tal-aġenti.

Allegatament, il-proposti kienu jinkludu limitu massimu ta’ bejn erba’ u ħames darbiet l-ammont li jirċievi club tal-Premier League bl-inqas qligħ mid-dħul tat-televiżjoni.

Leeds United, li spiċċaw fid-19-il post fil-Premier League fl-istaġun 2022-23, qalgħu £112-il miljun fi dħul mix-xandir – l-inqas mill-20 club fl-ogħla livell.

Ekonomija

Sport