Friday, November 22, 2024

Il-coach Simone Inzaghi jitkellem dwar ir-rebħ tat-titlu minn Inter

Aqra wkoll

Il-coach ta’ Inter, Simone Inzaghi, stqarr li l-iScudetto ntrebaħ fir-rebħa kontra r-rivali Milan iżda kien ilu li antiċipa s-sinjali tas-suċċess sa mill-bidu ngħaqad man-Nerazzurri. 

Inzaghi kien diġá rebaħ bosta unuri f’dawn it-tliet snin li ilu jmexxi lit-team iżda dan huwa l-ewwel titlu tas-Serie A bħala coach. 

Dan il-kamponat inkiseb bl-aħjar mod possibbli, billi għelbu lir-rivali Milan fid-Derby della Madonnina … u aktar minn hekk … ir-Rossoneri kienu qed jitqiesu li qed jilagħbu f’darhom. 

“Hija sensazzjoni inkredibbli, għamilna xi ħaġa inkredibbli u huwa tajjeb li naqsmuha ma’ kemm jista’ jkun partitarji ta’ Inter madwar id-dinja,” qal Inzaghi.

“Hemm ħafna protagonisti f’dan is-suċċess; l-ewwel u qabel kollox il-players, iżda wkoll id-diretturi u l-president, Steven Zhang, peress li kull ħaġa li kellna bżonn matul dan il-vjaġġ ġiet ipprovduta lilna.

“Ovvjament, ħsibijieti jmorru wkoll lejn il-familja tiegħi, marti Gaia, uliedi u l-ġenituri tiegħi. Il-limitazzjoni tiegħi hija li ħafna drabi ma nistax inħalli x-xogħol tiegħi warajja u hija t-tendenza li nieħdu d-dar miegħi … iżda kien fundamentali għalija.”

Ħu Simone, il-leġġendarju Pippo, kellu      kliem ta’ tifħir għalih meta kien mistieden bħala opinjonista fuq stazzjon televiżiv, billi qal:

“Kien ta’ eżempju kbir għalija bħala player u mbagħad bħala coach. Hu ħija l-kbir, dak li baqa’ jieħu ħsiebi, jibqa’ importanti ħafna għa­lija. Kbirna, iżda l-imħabba ta’ bejnietna mhi se tinbidel qatt.”

Id-daqqa ta’ ras ta’ Francesco Acerbi u x-xutt ta’ Marcus Thuram minn tarf il-kaxxa kienu deċiżivi, minkejja l-goal ta’ Fikayo Tomori tard  fil-partita biex l-Interisti ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

It-tmiem ta’ dan id-derby kien wieħed drammatiku meta ġew imkeċċija tliet players – Theo Hernandez u Davide Calabria għal Milan u Denzel Dumfries għal Inter.  

“Kienet logħba tajba, ħasra li kellha tintemm b’tant tensjoni fl-aħħar ħames minuti, peress li sa dak il-ħin kienet waħda pjaċevoli u missielta. 

“Lgħabna tajjeb, stajna skorjajna aktar goals iżda kollox ma’ kollox ninsabu kuntenti ħafna minħabba li lħaqna l-objettiv tagħna,” qal Inzaghi. 

Inzaghi, 48 sena, rebaħ sitt trofej s’issa ma’ Inter, it-tielet l-aktar coach tan-Nerazzurri li kellu suċċess mit-twaqqif tas-Serie A mill-1929-30, wara Helenio Herrera u Roberto Mancini li rebħu sebgħa kull wieħed.

“Kien vjaġġ twil għalija u għall-istaff tiegħi. Taħdem kuljum tipprova ttejjeb. Jekk naħseb lura għad-debutt tiegħi fiċ-Champions League ma’ Real Madrid u Liverpool, li komplew ikunu l-finalisti dik is-sena, diġà stajt nara s-sinjali pożittivi u kont kunfidenti li nistgħu nibnu fuqhom biex inkomplu u nilħqu sitt trofej. “

Il-vjaġġ ta’ Inzaghi man-Nerazzurri

Qabel dan is-suċċess, l-ogħla punt tal-kar­riera ta’ Inzaghi kien wasal fil-finali taċ-Cham­pions League, fejn safa megħlub kontra Manchester City bl-iskor ta’ 1-0, f’Istanbul.

L-ideat tiegħu dwar il-football huma ferm aktar offensivi minn dawk tal-predeċessur Antonio Conte, kif ikkonfermat ir-rebħa fuq Milan mill-goal li bih fetħu l-iskor meta Benjamin Pavard ipprovda l-assist għal Acerbi, fejn iż-żewġ players huma difensuri ċentrali.

“Ippressajt ħafna biex niffirma lil Acerbi ma’ Inter, peress li kont naf kemm kien importanti għat-team tiegħi (meta kont naħdem ma’ Lazio) x’seta’ jġib f’dan it-team. 

“Il-players kienu straordinarji u fenomenali.Filgħodu qabel il-partita, ħadthom jitħarrġu taħt ix-xita biex jipprattikaw set-pieces u ninsab kuntent għax ħadmu u għax l-ewwel goal kien xi ħaġa li ħdimna fuqha fit-taħriġ.”

Madankollu f’nofs l-istaġun li għadda, is-sitwazzjoni kienet differenti ħafna, b’rapporti li Inzaghi kien se jitkeċċa talli ma rebaħx li Scudetto, sakemm wasal sal-finali tal-UEFA Champions League u rebaħ il-Coppa Italia wkoll.

Dakinhar tqiegħdu l-pedamenti tas-suċċess li qed igawdu fil-preżent.

“Kien vjaġġ sabiħ u dejjem se nirringrazzja lil Lazio wkoll talli tawni din l-opportunità li nibda l-karriera tiegħi ta’ coach. Kellna snin taj­bin ħafna hemmhekk u konna fuq nett tal-klassifika meta l-istaġun ġie sospiż minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Ma nafx jekk stajniex nirbħu dakinhar jew le,” qal Inzaghi.

Beppe Marotta żvela li l-president ta’ Lazio, Claudio Lotito, “irrabja” li Inter kienu laħqu ftehim ma’ Inzaghi meta ntemmlu l-kuntratt.

“Lazio riedu jkomplu bil-proġett tiegħi, iżda ħassejt li kien wasal iż-żmien li nagħmel bidla. Ma kontx qed nistenna li Inter juru interess fis-servizzi tiegħi minħabba li kienu għadhom kif reb­ħu l-kampjonat, kienu qed ibigħu l-aqwa players tagħhom, iżda s-sub-konxju beda jgħidli li kelli ningħaqad ma’ Inter. 

“Diġà kont ħdimt ma’ Marotta f’Sampdoria u ilni snin naf lil Piero Ausilio u Dario Baccin kif ukoll lil Javier Zanetti … ovvjament bħala avversarju. Għaldaqstant kont naf li nistgħu nibnu era ġdida flimkien li kien hemm xi diffikultajiet u problemi kbar. 

“Matul il-mumenti diffiċli, ħdimna bil-għaqal flimkien u b’mod kollettiv konna kapaċi negħlbu kull ostaklu … biex issa qed ingawdu dan is-suċċess.

“Peró issa rridu nkomplu naħdmu qatigħ biex inżommu postna fl-ogħla postijiet tal-football Taljan.”

Sport