Sunday, December 29, 2024

Il-coach tal-Ġermanja Hansi Flick taħt pressjoni wara l-umiljazzjoni kontra l-Ġappun

Aqra wkoll

Il-manager tal-Ġermanja Hansi Flick jinsab taħt pressjoni serja wara l-umiljazzjoni ta’ 4-1 kontra l-Ġappun f’partita ta’ ħbiberija.

Junya Ito fetaħ l-iskor għall-Ġappun wara 11-il minuta, iżda l-attakkant ta’ Bayern Munich Leroy Sane kiseb id-draw għat-team ospitu. 

Madankollu Ayase Ueda reġa’ poġġa lill-Ġappun fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima, fil-Volkswagen Arena, f’Wolfsburg.

Takuma Asano u Ao Tanaka mbagħad aċċertaw ir-rebħa għall-viżitaturi. 

Ir-raba’ telfa tal-Ġermanja fl-aħħar ħames ħarġiet kienet ukoll l-akbar daqqa ta’ ħarta tagħhom minn mindu tilfu 6-0 fin-Nations League kontra Spanja fl-2020.

Flick, l-eks boss ta’ Bayern Munich, rebaħ biss 12 mill-25 logħba tiegħu responsabbli minn meta ħa post Joachim Loew, f’Awwissu 2021.

Il-Ġermanja tilfet ukoll 2-1 kontra l-Ġappun fit-Tazza tad-Dinja tal-2022 hekk kif naqsu milli jikkwalifikaw għall-Aħħar 16 … u rreġistraw biss tliet rebħiet mill-aħħar 12-il partita tagħhom – fuq Oman, Costa  u Perú.

Flick jinsab diżappuntat iżda sostna li huwa l-manager addattat għall-Ġermaniż, iżda fl-istess huwa konxju  “kif jistgħu jinbidlu l-affarijiet għall-futur qrib”.

Dan id-diżappunt kien imtenni mill-player tiegħu, bil-captain Ilkay Gundogan qal “m’aħniex tajbin biżżejjed bħalissa u din it-telfa hija verament togħma qarsa –  ilkoll għandna bżonn nistaqsu mistoqsijiet lilna nfusna”.

Il-midfielder ta’ Bayern Munich Joshua Kimmich żied jgħid: “Irrid nistqarr li kienet telfa mistħoqqa. Ma kellna xejn x’noffru it-tieni taqsima. Fil-fatt qatt ma lgħabna logħba tajba mit-Tazza tad-Dinja ‘l hawn. Irridu nirriflettu u niddubitaw il-kwalitá li nippossjiedu. 

Id-direttur tal-football tal-Ġermanja, Rudi Voller, kien saħansitra aktar voċiferu, u sejjaħ din it-telfa ta’ 4-1 bħala “disgrazzja”.

Il-media Ġermaniża qed tissuġġerixxi li l-FA Ġermaniża tista’ tkeċċi lil Flick jekk jibqa’ juri li ma jkunx kapaċi jikseb riżultati matul dan il-waqfa internazzjonali.

“Minkejja din il-logħba ta’ ħbiberija, Flick jinsab taħt pressjoni kbira. L-aħħar żewġ partiti ħbiberija, dawk kontra l-Polonja u l-Kolumbja, tant kienu ħżiena li kulħadd kien qed jantiċipa r-riżenja tal-coach nazzjonali. 

Il-Ġermanja – l-organizzaturi tal-Euro 2024 – nhar it-Tlieta li gej se jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Franza, f’Signal Iduna Park ta’ Dortmund.

Ekonomija

Sport