Saturday, December 21, 2024

IL-COVID U L-KAMPUS

Aqra wkoll

Ta’ kull sena hekk kif jibda joqrob il-bidu t’Ottubru nibda nipprepara għall-bidu tas-sena akademika fl-Università ta Malta. Issa ilni kważi għaxar snin ngħallem module dwar l-investimenti finazjarji lill-istudenti fil-fakultà tal-ekonomija. 

Nistqarr li ta’ kull sena nkun entużjast u nħares ’il quddiem għal dawn is-sigħat li nqatta’ mal-istudenti. Nagħmel dan ix-xogħol minn qalbi għax nemmen li dan huwa l-mod ċkejken tiegħi li bih irodd lura lill-komunità ftit minn dak li ngħata lili. Bħal ħafna oħrajn kont ixxurtjat li dejjem sibt għalliema ta ċertu kalibru li matul is-snin mhux biss għallmuni imma fuq kollox gwidawni u tawni pariri li kienu tant kruċjali biex nimxi ’l quddiem. 

Lil dawn l-għalliema bqajt nafulhom.

Nikkaluka li fl-aħħar snin, l-Università, laqqgħatni ma’ aktar minn elf student. Nispera biss li mqar għal ftit minnhom kont ta’ għajnuna daqs kemm kienu għalija l-għalliema tiegħi.

Il-klassijiet tiegħi mhumiex żgħar, kull sena jkolli mal-150 student quddiemi. Kollha bl-aspirazzjonijiet tagħhom u b’motivazzjoni differenti li jitgħallmu suġġett ġdid li jista’ jwassalhom għall-bidu ta’ karriera li qatt ma kienu ħasbu fiha qabel. 

Minkejja l-isfida, ta kull sena nħares ’il quddiem b’entużjażmu, u fl-aħħar tal-course dejjem nkun sodisfatt bir-riżultati, mhux biss dawk akkademiċi tal-istudenti nfushom, li fl-aħħar mill-aħħar jkunu ġabuhom bis-saħħa tagħhom imma b’dik in-nota t’apprezzament, f’forma ta’ email jew messaġġ ta’ studenti li minn qalbhom jgħidulek “grazzi”. 

Kuntrarju għal dak li jiġri kull sena, is-sena li għaddiet ma kinitx xi esperjenza sabiħa.

Minħabba l-pandemija il-lezzjonijiet saru kollha online, bl-interazzjoni fuq Zoom fi klassi virtwali ta aktar minn 100 ruħ hija dik li hi. 

L-inkwiet tiegħi kien proprju relatat mal-fatt li jekk jien ma kontx kuntent bis-sitwazzjoni jiena, allura min jaf l-istudenti fuq in-naħa l-oħra kif kienu qegħdin iħossuhom. Agħar minn hekk, dawn l-istudenti ma kellhomx biss il-course tiegħi imma ovvjament il-lezzjonijiet l-oħra kollha kienu qegħdin jingħataw b’mod virtwali. Jekk dan mhux biżżejjed, dawn l-istudenti kienu għadhom kif ġejjin minn sena skolastika fejn ukoll kellhom jattendu għaliha b’mod virtwali. 

Illum għandha studenti universitarji li ilhom kważi sentejn ma jersqu lejn tal-Qroqq. Għal ħafna minnhom se jkunu għamlu aktar minn nofs il-kors tagħhom mingħajr ma qatt marru l-kampus. Studenti li minħabba l-pandemija se jkunu daħlu u ħarġu mis-sixth form mingħajr ma qajla resqu lejn is-swali tal-akkademja.

Wieħed jifhem li fl-eqqel tal-pandemija dawn is-sagrifiċċji kienu bżonjużi. Il-fatt li l-Università tiġbor fiha numru ta’ żgħażagħ fi spazju ristrett tagħmel it-tixrid tal-virus aktar possibbli. Ir-riskju hemm qiegħed, m’hemmx dibattitu dwar dan. Dak li seħħ fil-bidu tas-sajf b’numru ta studenti barranin li ma kinux vaċċinati wera biċ-ċar kemm huwa importanti li jiġu rispettati l-protokolli neċessarji fil-klassijiet u l-iskejjel.

Huwa minnu wkoll li t-tagħlim virtwali huwa għodda tajba ħafna fiha nnifisha. Il-lezzjonijiet fuq l-internet jipprovdu lill-istudenti ċertu element ta’ flessibilità u effiċjenza li qabel ma konniex nesperjenzaw. 

Madankollu nemmen li jekk mhux ser noqogħdu attenti se nkunu qegħdin nirriskjaw li ntellfu lill- istudenti tagħna possibilitajiet ta’ darba fil-preparazzjoni akkademika tagħhom. 

L-esperjenza fl-Università hija differenti mill-esperjenza skolastika tradizzjonali.

L-Università hija l-aħħar stadju qabel mal-istudent jibda l-ħajja professjonali tiegħu. L-interazzjoni fuq il-kampus hija kruċjali għall-preparament ta’ dawn l-istudenti daqs kemm hija l-preparazzjoni akkademika nnifisha.

L-involviment u l-attiviżmu f’għaqdiet studenteski, il-possibilità li tiltaqa’ ma’ nies b’backgrounds u ħsibijiet differenti minn tiegħek, il-kapaċità li taħdem fi gruppi, il-fatt li titgħallem tagħmila ma’ persuni li possibiliment se jkunu l-kollegi tiegħek fis-snin ta’ wara huma ftit fost il-bosta soft skills li ħafna jitgħallmuhom proprju fuq il-kampus u jiswewhom mitqlu deheb fil-bidu tal-karriera taghhom.

L-ebda waħda minn dawn il-possibilitajiet ma tista’ tiġi replikata b’mod virtwali.

Dan biex ma nsemmux il-fatt li minkejja r-rieda tajba kollha, l-ebda lezzjoni online ma tistax tkun effettiva daqs dik tradizzjonali. 

Nemmen li l-pandemija tagħtna l-opportunità li napprezzaw dawn l-affarijiet ħafna aktar. Il-pandemija tagħtna wkoll il-possibilità li nagħrfu li nistgħu nużaw għodod virtwali biex jinsab bilanċ bejn lezzjonijiet b’mod fiżiku u oħrajn li jistgħu jsiru trankwilament b’mod virtwali. 

Madankollhu naħseb li hemm bżonn inkunu aktar attenti qabel nħallu ċertu studenti ’il boghod mill-ħajja fuq il-kampus. Partikolarment għax dawn l-istudenti nzertaw qed jattendu, intortament, għal kors popolari li nzerta huwa frekwentat minn numru ta’ studenti. 

Dan anke fid-dawl tas-suċċess tal-programm ta’ vaċċinazzjoni li għandha f’pajjiżna. Programm li kien suċċess anke maż-żgħażagħ tagħna. Sistema ta’ roster, pereżempju, li tillimita n-numru ta’ studenti skond il-kobor tas-swali imma li fl-istess ħin tħalli l-possibilità sabiex l-istudenti jinteragixxu b’mod responsabbli hija waħda li tista’ taħdem b’daqsxejn sforz u kooperazjoni. 

M’għandix dubju li fejn hemm ir-rieda kapaċi nsibu s-soluzzjonijiet. Il-mod tant tajjeb li flimkien għaddejna mill-agħar xhur tal-pandemija huwa xhieda ta dan. Pajjiżi oħra għadhom jissieltu mal-lockdowns u aħna rnexxilna nżommu l-pajjiż f’saħħtu anke ekonomikament.

Bħalma nstabu soluzzjonijiet għal tant oqsma fis-soċjetà jkun għaqli li nagħtu prijorità lill-istudenti tagħna wkoll. Dak li jitilfu f’din il-fażi abbli ma jkunux jistgħu jakkwistawh fis-snin ta wara.

Ekonomija

Sport