Saturday, May 4, 2024

S&P Global Ratings b’ċertifikat lill-politika ekonomika tal-gvern

Aqra wkoll

S&P Global Ratings tat ċertifikat ieħor lill-politika ekonomika tal-Gvern Malti biex kienet ir-raba’ aġenzija tal-klasifikazzjoni tal-kreditu li fl-aħħar ftit xhur ikkonfermaw lil Malta fi klassi A.

B’hekk wara li r-rating ta’ pajjiżna kien ikkonfermat minn tlett aġenziji internazzjonali tar-ratings, Moody’s, DBRS u Fitch, issa kienet S&P Global Ratings li f’rapport minn tagħha nnotat prospetti stabbli għal Malta, li baqgħet tgawdi minn rating ta’ A-. Dan jibqa’ l-aqwa livell ta’ rating għal pajjiżna fl-aħħar għaxar snin.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista, qalu li r-rapport jistona mad-diskors tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li mheddija xerred id-dlam u tattakka bl-aħrax il-politika ekonomika tal-gvern.

Il-PL qal li waħda mir-raġunijiet għaliex l-esperti tal-S&P Global Ratings ħadu din id-deċizjoni kienet minħabba r-rispons tal-gvern Malti għall-pandemija.

“Malta will contain the long-term adverse effects of the COVID-19 pandemic on its economy and budgetary position thanks to an effective policy response,” jgħid ir-rapport.

Il-Partit Laburista qal: “L-Oppożizzjoni tikkritika l-miżuri li ħa l-Gvern u ssejħilhom tberbiq u ħela. Iżda għall-esperti internazzjonali hemm realtà oħra.”

“The government’s countercyclical policy measures have prevented widespread business closures and job losses since the start of the pandemic and are supporting the economic rebound,” ikompli jgħid ir-rapport. 

Il-PL qal li l-Oppożizzjoni mhux biss tattakka l-politika fiskali tal-Gvern imma talli saħansitra qed tiċħad is-sewwa magħruf li l-ekonomija tagħna qed tirkupra. 

Il-Partit Laburista żied jgħid li t-tbassir tal-S&P Global Ratings huwa ċar ħafna f’dan ir-rigward u jbassar li anke jekk it-turiżmu jibqa’ batut, l-ekonomija Maltija sejra tikber b’5% din is-sena u kważi 6% is-sena d-dieħla.

“Ir-raġuni li jagħtu l-esperti għat-tbassir pożittiv hi minħabba l-istat finanzjarju tajjeb tal-familji Maltin u Għawdxin, li issa grazzi għas-suċċess tal-programm ta’ vaċċinazzjoni qegħdin iżidu ħafna l-konsum tagħhom. Barra minn hekk l-S&P Global Ratings huma pożittivi ħafna fuq l-użu prospettiv ta’ fondi Ewropej mill-Gvern Malti kemm fil-qasam ambjentali kif ukoll dak diġitali,” qal il-PL.

Żiedu jgħidu li filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tbeżża’ bil-qagħda finanzjarja tal-Gvern, u qed tikkampanja favur politika ta’ awsterità, l-esperti barranin għandhom pożizzjoni kompletament opposta. 

Saħansitra jgħidu: “although the sizable fiscal stimulus has led to a sharp rise in government debt, prematurely withdrawing policy support could slow the recovery”.

Il-PL qal li huwa ċar li l-politika ta’ awsterità li jridu l-esponenti tal-PN tista’ twassal biex pajjiżna ma jirkuprax, eżatt kif kien ġara wara r-riċessjoni tal-2008.

Fl-istqarrija, il-Partit Laburista temm jgħid: “L-esperti ta’ S&P Global Ratings tant huma konvinti mis-suċċess tal-politika ekonomika tal-Gvern Malti li qed jagħmlu tbassir ferm aktar pożittiv mill-Gvern stess kemm b’rabta mad-defiċit kif ukoll id-dejn pubbliku li jbassru li se jibqa’ taħt kontroll riżultat tal-għaqal fiskali tal-amministrazzjoni Laburista li naqset il-piż tad-dejn nazzjonali kważi bin-nofs u kellha surplus wieħed wara l-ieħor.”

Sport