Monday, February 24, 2025

“Il-fake news hija sfida serja għad-demokrazija u s-soċjetà tagħna”- Il-Ministru Owen Bonnici

Aqra wkoll

Il-litteriżmu tal-midja huwa essenzjali biex is-soċjetà tkun infurmata u kapaċi tiddistingwi bejn il-fatti u l-finzjoni. F’dinja fejn id-diżinformazzjoni qed tiżdied b’rata mgħaġġla, Malta qed tieħu passi konkreti biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pubbliku fit-tfittxija u l-verifika tal-informazzjoni.

F’dan il-kuntest, saret konferenza speċjalizzata ġewwa l-Mużew Marittimu li laqqgħet fiha akkademiċi tal-media, ġurnalisti, rappreżentanti ta’ stazzjonijiet lokali, influencers, kif ukoll letturi li jgħallmu s-suġġett tal-media. Matul il-konferenza, il-parteċipanti ddiskutew kif il-media tista’ tkun aktar ta’ għajnuna u ta’ għarfien għal kulħadd.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq, “Il-fake news hija sfida serja għad-demokrazija u s-soċjetà tagħna. Id-diżinformazzjoni qed tinxtered b’veloċità allarmanti, tħalli impatt fuq l-opinjoni pubblika u saħansitra ddgħajjef il-fiduċja fix-xjenza u l-istituzzjonijiet. Huwa kruċjali li nsaħħu l-litteriżmu tal-media, speċjalment fost iż-żgħażagħ, biex nitgħallmu niċċekkjaw il-fatti u niddefendu l-verità. B’ħidma kollettiva nistgħu nsaħħu s-soċjetà kontra l-gideb u d-diżinformazzjoni.”

Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Media Literacy Development Charles Cassar spjega l-pjan tal-bord għas-snin li ġejjin, fejn qal li fost affarijiet oħra se jibda jiġi ppreparat materjal edukattiv li se jitqassam lil-letturi fl-iskejjel, kif ukoll se jsiru sessjonijiet ta’ taħriġ kemm għall-edukaturi kif ukoll għal persuni anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum.

Il-konferenza kienet maqsuma f’żewġ sessjonijiet. Fl-ewwel sessjoni, panel ta’ esperti ddiskuta d-diżinformazzjoni u l-fake news, filwaqt li kienet ipprovduta wkoll l-opportunità lill-udjenza biex tagħmel interventi u tressaq il-mistoqsijiet tagħha. Fit-tieni sessjoni, saru workshops fejn l-esperti fl-udjenza taw il-kontribut tagħhom b’soluzzjonijiet konkreti dwar kif nistgħu nsaħħu l-litteriżmu tal-media fil-komunità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport