Kull wieħed u waħda minna nitwieldu fi ħdan familja, anke jekk illum huma diversi l-forom ta’ familji li jeżistu. Irrispettivament mill-forma tagħha, il-familja tibqa’ l-fus li fuqu sserraħ is-soċjetà tagħna. Il-familja tibqa’ pedament sod għall-formazzjoni tal-ulied.
Huwa għalhekk li l-gvern kontinwament jisħaq fuq l-importanza li ma rridux nibqgħu nitkellmu fuq soċjetà u ekonomija li jiġbdu f’direzzjonijiet differenti minn xulxin, iżda rridu nkunu forza politika li tgħaqqad u tikkonverġi l-isforzi ta’ kulħadd biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies, fl-interess tan-nies u li ssawwar soċjetà li fiċ-ċentru tagħha hemm il-benesseri tal-familja.
Kien propju għalhekk li ftit jiem ilu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar emendi fil-liġi sabiex il-Leave Urġenti tal-Familja jiżdied għal erbat ijiem minn 15-il siegħa kif inhu bħalissa. Miżura li ser tapplika wkoll pro-rata għall-ħaddiema b’impjieg part-time.
Għandna għax nifhmu minn dak li qal s-Segretarju Parlamentari, illi din iż-żieda fil-leave mhux biss se tagħmel differenza pożittiva f’ħajjet il-familji iżda se ġġib aktar serħan il-moħħ lill-ħaddiema meta jkollhom bżonn jassentu ruħhom mill-post tax-xogħol f’każijiet urġenti, partikularment mard ta’ xi membru tal-familja. Dan is-serħan il-moħħ jista jkun opportunita biex il-ħaddiem ikun aktar produttiv u jagħti l-aqwa tiegħu fuq il-post tax-xogħol.
Nirrimarkaw ukoll li permezz ta’ miżura bħal din u ħafna oħra li daħlu tul dawn l-aħħar snin, se jiġi assigurat li l-ħaddiema u l-familji jsibu dak il-bilanċ meħtieġ biex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol fl-istess waqt jieħdu ħsieb il-familjari tagħhom.
Għal darb’oħra, il-Gvern reġa’ intervjena b’mod deċiżiv permezz ta’ miżuri bħal din, biex il-bżonnijiet tal-familja jiġu sodisfatti mingħajr ma jinħolqu kwistjonijiet bla bżonn. Nemmnu għalhekk li bħal ma għamel fl-imgħoddi, il-Partit Laburista fil-gvern se jkompli jiffoka fuq kif jista’ joffri aktar kwalità ta’ ħajja aħjar lil kull familja f’Malta u Għawdex.
Nemmnu għalhekk li l-Gvern se jibqa’ mpenjat li l-ħajja tal-Maltin tkun trankwilla fejn il-familja tibqa’ punt ċentrali ta’ riferiment u essenzjali għal ħajja aħjar u għat-tfassil tal-Malta ta’ għada.