Meta niġi biex nitkellem jew nikteb fuq dan is-suġġett, mingħajr ħafna tlaqliq nikkunsidra li kull tip ta’ qtil jibqa’ dejjem qtil. Jiġi f’moħħi dan b’mod naturali anke minħabba l-professjoni tiegħi li fiha nara minn fejn hi ġejja l-problema sabiex nippruvaw naqtgħuha mill-għeruq tagħha minnufih. Qtil minnu nnifsu apparti li jikkawża tmiem ta’ ħajja, ibiddel ukoll il-ħajja tal-persuni kollha li kienu viċin tal-vittma, għaldaqstant dan ser iħalli impatt negattiv fuq is-soċjetà b’mod inġenerali.
Però meta naħseb f’aktar dettall, nirrealizza li kull deċiżjoni, kull liġi, tiġi b’kuntest magħha. Ma nistgħu qatt ninjoraw il-fatt li għandna bżonn vera ta’ din l-emenda. Paulina Dembska, Rita Ellul, Margaret Mifsud u tant nisa oħrajn li mietu b’mod intenzjonat għax kienu nisa, mhumiex numru. Irridu nħarrxu l-pieni sabiex nevitaw li femiċidju jista’ jerġa’ jiġri. L-emenda iva hemm bżonnha bħala sinjal ċar li mġiba ta’ dan it-tip mhux ittollerata ġewwa pajjiżna.
Għaddew mas-46 sena minn meta Diana Russell ħolqot il-kelma “femiċidju”. Dan seħħ waqt l-Ewwel Tribunal Internazzjonali fuq il-Kriminalità fi Brussell f’Marzu tal-1976. Russell qalet li ma tistax tieħu azzjoni fuq xi ħaġa jekk ma ttihiex isem. Russell tgħid li l-kelma omiċidju tgħatti minn għajnejn in-nies il-mod speċifiku li jinqatlu n-nisa sempliċiment għax huma nisa. Huwa stmat li fid-dinja madwar 66,000 mara huma maqtulin kull sena. Fl-2020, 444 mara f’10 stati membri tal-UE nqatlu mis-sieħeb tagħhom, skont data uffiċjali miġbura mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).
Madankollu dawn iċ-ċifri qatt ma jistgħu jkunu eżatt għax l-użu tal-kelma femiċidju mhijiex waħda uffiċjali f’bosta pajjiżi u għaldaqstant ċertu każijiet ikunu rrekordjati bħala omiċidji. Iżda ejja ma nħarsux lejn iċ-ċifri, li fil-verità mhuwiex numru żgħir. Il-femiċidju huwa aktar minn sempliċi qtil, saħansitra joħloq sitwazzjoni ta’ terrur u tnaqqis ta’ libertà fost il-bniet u n-nisa fil-ħajja ta’ kuljum. Din it-tip ta’ vjolenza timmilita wkoll kontra n-nisa bħala riżors uman tal-pajjiż u tnaqqsilhom ukoll mill-ħiliet tagħhom fis-soċjetà. ll-femiċidju fir-realtà jaffettwa lil kulħadd mill-kbir saż-żgħir. Biss biss it-tfal ta’ nisa li jkunu maqtulin mill-partner tagħhom jesperjenzaw effetti fit-tul minħabba li ġenitur minnhom ikun mejjet u l-ieħor jispiċċa l-ħabs. Ħafna drabi dawn it-tfal ikollhom iħallu d-dar tagħhom sabiex jgħixu ma’ ħaddieħor u jkollhom identità mittiefsa bħala t-tifel ta’ qattiel.
Issa li għandna soċjetà li hija multikulturali rridu naħsbu wkoll f’ċertu eventwalitajiet. Nafu li hawn komunitajiet fostna li r-reliġjon tagħhom jaf tiddetta ċertu restrizzjonijiet minħabba t-twemmin. Ċertu liġijiet fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom ikunu qed iħeġġu jew jipproteġu mġiba ta’ dan it-tip. Dan mhux aċċettabbli ġewwa pajjiżna. Ma’ din il-liġi rridu ninsistu fuq l-edukazzjoni tal-immigranti li jagħżlu lil pajjiżna sabiex ifittxu l-ażil. Li nistrieħu fuq din il-liġi sabiex nagħtu l-eżempju huwa importanti iżda li nipprevenu milli jkollna nużawha huwa dak li jaħseb fuqu l-Gvern Laburista.
Permezz ta’ din il-liġi però għamilna l-ewwel pass. Irridu naħdmu fuq binarji oħra, eżempju jkollnapolicies u programmi adekwati bbażati tassew fuq evidence-based research, nagħtu taħriġ lil dawk involuti sabiex ikunu jafu kif jieħdu statistika fejn jidħol il-femiċidju, b’hekk inżidu r-riċerka fuq il- prevenzjoni tal-vjolenza inġenerali fuq in-nisa. Il-femiċidju ma jistax jiġi sseparat mill-vjolenza fuq in-nisa. Fejn tidħol il-vjolenza m’iniex qed insemmi biss dik fiżika u dik sesswali imma anke dik emozzjonali li ħafna drabi tagħmel aktar ħsara milli wieħed jaħseb.
Hawnhekk wieħed irid jagħfas aktar fuq edukazzjoni f’dan ir-rigward. Irridu wkoll nieħdu bis-serjetà r-rapporti ta’ theddid li jsiru inġenerali. Fuq dan l-aspett irridu nsaħħu l-ħiliet tal-assessjar tal-pulizija u noffru wkoll taħriġ fuq anger management min-naħa tal-aġenziji. Fattur ieħor huwa l-użu tal-alkoħol u d-droga kif ukoll problemi ta’ saħħa mentali, dawn iwasslu għal aktar riskji. Kif diġà nafu, dan kollu hu marbut ma’ xulxin u li ħafna drabi waħda tmexxik għal oħra.
Minħabba l-intensività u l-ammont ta’ dettall fuq dan is-suġġett, dan il-messaġġ ikompli fil-kitba tiegħi li jmiss tiġi ppubblikata. Nirringrazzjakom.