Il-Fifa waqqfet il-pjani kollha biex l-Arabja Sawdija tisponsorja t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-2023.
Dan seħħ wara protesti kontinwi mill-ko-ospitanti, l-Awstralja u New Zealand, biex dan l-isponsor ma jiġix iffirmat.
Il-president tal-FIFA, Gianni Infantino, sostna li saru taħditiet ma’ Visit Saudi, il-fergħa turistika tal-pajjiż tal-Golf, dwar l-isponsorjar ta’ dan it-tournament.
“Fl-aħħar ta‘ din id-diskussjoni ma wasalniex biex jiġi ffirmat il-kuntratt neċessarji,” huwa qal, billi sejjaħ din il-kwistjoni bħala “maltempata f’tazza tat-tè.”
L-uffiċjal Svizzeru, li reġa’ ġie elett fit-tmexxija tal-FIFA qal ukoll li l-federazzjoni mondjali qed timmira li jkollha premjijiet indaqs għat-Tazza tad-Dinja tal-irġiel u tan-nisa sal-2027.
Infantino qal li ma kienx jara kwistjoni bl-Arabja Sawdija li tisponsorja Tazza tad-Dinja fl-Awstralja u New Zealand minħabba li “Ii-Fifa hija organizzazzjoni ta’ 211-il pajjiż u ħalina huma lkoll l-istess,” u minħabba wkoll li kull sena jkun hemm kummerċ ta’ $1.5 biljun bejn l-Awstralja u l-Arabja Sawdija .
“Din ma tidhirx li hija problema,” huwa qal. “Iżda bejn organizzazzjoni globali bħall-Fifa u Visit Saudi din kienet tkun kwistjoni. Qed nipprova nifhem din is-sitwazzjoni iżda ma nistax.
“M’hemm l-ebda kwistjoni u l-ebda kuntratt. Hemm diskussjonijiet u ovvjament irridu naraw kif nistgħu ninvolvu sponsors Sawdi fil-football tan-nisa b’mod ġenerali, kif nistgħu ninvolvu sponsors Sawdi fil-football tal-irġiel … jew nistgħu ninvolvu sponsors Qatari fil-football tan-nisa u football tal-irġiel, u l-isponsors l-oħra kollha minn madwar id-dinja.”