Wednesday, April 24, 2024

Il-Filippina li mietet f’Tas-Sliema lbieraħ kellha 43 sena… l-oħrajn isofru ġrieħi ħfief

Erba' persuni rkuprati mill-baħar b'ħidma f'waqta mill-forzi tal-ordni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi stqarrija l-pulizija qalu li l-mara li tilfet ħajjita ġiet identifikata bħala Filippina ta’ 43 sena.

Ġew idetifikati wkoll it-tliet tfajliet l-oħra li huma, Franċiża ta’ 23 sena, Taljana ta’ 31 sena u mara mill-Georgia ta’ 36 sena li kienu flimkien mal-mara li tilfet ħajjtiha fl-inċident, fejn ġew ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.

Ilbieraħ: Tmut il-Filippina li nġarret mill-baħar f’Tas-Sliema

Il-Pulizija fi stqarrija ftit tal-ħin ilu qalu li l-Filippina li aktar kmieni llum inġarret mill-baħar f’Tas-Sliema mietet fl-Isptar Mater Dei.

Hi ttellgħet fuq dinghy mill-Forzi Armati ta’ Malta u mill-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn twasslet l-art u hemm sabet tim mediku lest biex jagħtiha l-ewwel għajnuna.

It-tliet tfajliet l-oħra li ttieħdu wkoll fl-Isptar Mater Dei permezz ta’ diversi ambulanzi, in-natura tal-ġrieħi tagħhom għadha pendenti.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D li ħatret diversiesperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni: Filippina fil-periklu tal-mewt wara li grupp ta’ persuni nġarru mill-baħar f’Tas-Sliema

Tfajla Filippina tinsab f’periklu iminenti li titlef ħajjitha wara li nġarret mill-baħar. Jidher li l-mara sabet ruħha f’diffikultà wara li għall-ħabta tas-2:30 p.m grupp ta’ persuni nġarru mill-baħar f’Tas-Sliema.

Skont informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li b’kollox kien hemm erba’ persuni li spiċċaw inġarru mill-baħar.

Fil-post issejjaħ tim mediku, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u membri mill-Forzi Armati ta’ Malta li bdew minnufih bi tfittxija għall-persuni. Fi ftit ħin waħda mill-persuni ġiet interċettata u ttellgħet fuq dinghi f’periklu iminenti li titlef ħajjitha. Il-mara bdiet tingħata c-cpr fuq id-dinghi u għalkemm kollox kien jindika li m’hemmx tama jidher li t-tentattivi għadhom għaddejjin biex din it-tfajla tiġi salvata.

Il-persuni l-oħra ġew salvati u ttellgħu fuq l-art fi ftit minuti. Minn hemm huma ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei b’ambulanzi li ssejħu fuq il-post.

Aktar dettalji dalwaqt…

Sport