VALLETTA……………….0
FLORIANA…………….. 0
(Floriana 3-1 bil-penalties)
Minn Cristian Muscat
Il-finali tal-Malta Premier League se tintlagħab bejn Floriana u Marsaxlokk wara li ssuperaw lil Valletta u lil Hamrun Spartans rispettivament.
Fil-partita kontra r-rivali eterni Valletta, il-Greens ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals wara l-ħin barrani.
Kienu Valletta li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Emmanuel Moise Mbende ġiet imdawra f’corner b’diffikultá mill-goalkeeper ta’ Floriana, Guilherme Cioletti.
Fit-33 minuta, il-coach ta’ Floriana, Daniel Portela, talab lir-referee Slobodan Petrovic biex jikkonsulta l-FVS wara foul minn wara ta’ Keith Brewer Jr fuq Carlo Zammit Lonardelli. Madankollu l-is- tess uffiċjal tal-logħba ma wera l-ebda karta safra jew ħamra lill-player Belti.
Fil-45 minuta, minn azzjoni ta’ free-kick mogħti qasir, il-Belti Diogo Tavares ittanta xortih permezz ta’ xutt angolat minn barra l-kaxxa li ġie salvat minn mal-art minn Cioletti.
Il-Beltin reġgħu ħolqu l-periklu fis-66 minuta meta s-sostitut Ahmed Basher għadda tajjeb lejn Jake Azzopardi li iżda minn pożizzjoni ideali xeħet għoli.
Fil-75 minuta, il-captain ta’ Valletta, Brandon Paiber, xeħet cross lejn Basher li iżda b’ġest akrobatiku ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun biex l-azzjoni sfumat fix-xejn … bil-partita tmur fil-ħin barrani.
Fil-115-il minuta, Valletta ħadu daqqa ta’ ħarta meta weġġa’ l-goalkeeper, Adilson Aguero Dos Santos, biex minfloku daħal Julani Archibald.
Il-partita baqgħet f’paritá u kellhom jingħataw il-penalties.
Għal Floriana skorjaw Zachary Scerri, Myles Beerman u Jake Grech, iżda falla Owen Spiteri li ra lil Archibald isalva tajjeb.
Għal Valletta skorja Yannick Yankam iżda fallew Brandon Paiber, Diogo Tavares wara li raw lil Cioletti jsalva tajjeb, waqt li Emmanuel Moise Mbende ra t-tentattiv tiegħu jistampa mal-mimduda.
Valletta: Adilson Aguero Dos Santos (Julani Archibald 115), Steve Borg (Neil Anthony Micallef 106), Brandon Paiber, Jake Azzopardi, Diogo Tavares, Keith Brewer Jr (Ahmed Basher 65), Emmanuel Moise Mbende, Yuri De Jesus Messias (Andrea Zammit 97), Sava Radic, Thaylor Aldama (Mattias Ellul 115), Jackson Mendoza (Yannick Yankam 102) – Coach: Thane Micallef
Floriana: Guilherme Cioletti, Myles Beerman, Federico Varela, Dunstan Vella (Aristide Mabea 91), Alen Kurtalic, Owen Spiteri, Carlo Zammit Lonardelli (Zachary Scerri 103), Charles M’Mombwa (Mustapha Jah 65), Iago Perreira Mendonca, Paul Mbong (Jake Grech 81), Rui Manuel Areias (Kenan Dervisagic 65) – Coach: Daniel Portela
Referee: Slobodan Petrovic
assistenti: James Muscat, Kurt Saliba
Raba’ Uff.: Joseph Scerri
Skorers: Ħadd
Ammoniti: P. Mbong, J. Grech (F), D. Tavares (V)
Player tal-Logħba: Owen Spiteri (Floriana)


