Thursday, May 16, 2024

Il-Fondazzjoni Inspire toffri kors ta’ tmien ġimgħat lil refuġjati Ukreni

Aqra wkoll

“Fi żmien ta’ gwerra, l-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà jerfgħu tbatija sproporzjonata u saħansitra jkunu jeħtieġu iktar għajnuna” qalet Anastasiya Gorodnicha mill-Fondazzjoni Inspire Malta.

F’dan il-kuntest, il-Fondazzjoni Inspire Malta ħadet l-inizzjattiva li toffri programm ta’ tmien ġimgħat lill-familji ta’ tfal li jkunu waslu Malta, hekk kif ikunu qed jaħarbu mill-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukraina, 

“Il-missjoni ta’ Inspire, li tagħmel id-differenza fil-ħajjiet ta’ dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà, ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn nazzjonalità, kulur jew razza” kompliet Anastasiya. “Għalhekk iddeċidejna li noffru dan il-programm b’xejn, lil dawn ir-refuġjati u lill-familji tagħhom”.

Inspire tappella lil dawk kollha li qed jaħarbu mill-Ukraina, u li għandhom bżonn l-għajnuna speċjalment fil-qasam tad-diżabilità, sabiex jikkuntattjaw lil Inspire u jimlew il-formula minn: www.shorturl.at/aCF57 

Inspire temmen li kulħadd għandu dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni ta’ Inspire hija filfatt li tagħmel dak kollu possibli biex tgħin il-persuni kollha b’diżabilita biex jilħqu dan l-għan. Dan isir permezz ta’ edukazzjoni, terapija u servizzi ta’ rilassament.

Sabiex tiġi faċilitata din l-assistenza, Inspire nediet ukoll sondaġġ ta’ informazzjoni li qassmet fost il-komunità Ukrena f’Malta, b’dan il-mod ser tkun tista tifhem aktar il-bżonnijiet ta’ dawn il-familji.

Għal iktar tagħrif dwar kif Inspire tagħmel id-differenza fil-ħajjiet ta’ mijiet ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom kuljum, żur is-sit https://inspire.org.mt/

Sport