Il-Fondazzjoni Reggie Miller fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) organizzat seminar ieħor bit-tema “Ir-Relazzjonijiet Industrijali f’Malta”, bħala parti mill-impenn tagħha li tkompli toffri opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp lir-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Il-kelliema prinċipali kienet id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER), Diane Vella-Muscat, li tat preżentazzjoni dettaljata u informattiva dwar il-qafas legali u l-prattika tar-relazzjonijiet industrijali f’Malta. Matul l-intervent tagħha indirizzat diversi temi relatati mad-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, kif ukoll ir-rwol tad-DIER fil-promozzjoni ta’ relazzjonijiet industrijali stabbli u kostruttivi.
Għas-seminar attendew numru kbir ta’ shop stewards u delegati tal-GWU, flimkien mas-Segretarji tat-Taqsimiet tal-Union, li pparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjoni li segwiet il-preżentazzjoni, fejn tqajmu diversi mistoqsijiet u sar skambju ta’ esperjenzi dwar il-prattika ta’ kuljum fil-postijiet tax-xogħol.
Is-seminar infetaħ mill-President tal-General Workers’ Union, Jason Deguara, li fl-indirizz ta’ merħba tiegħu enfasizza l-importanza li l-GWU tkompli tinvesti fit-taħriġ kontinwu tar-rappreżentanti tagħha sabiex ikunu dejjem aktar preparati biex jindirizzaw l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fid-dinja tax-xogħol.
Fi tmiem is-seminar, il-Fondazzjoni Reggie Miller irringrazzjat lil Diane Vella-Muscat tal-kontribut professjonali tagħha, kif ukoll lill-parteċipanti kollha għall-attendenza u l-impenn tagħhom. Il-Fondazzjoni kkonfermat li se tkompli torganizza seminars u inizjattivi ta’ livell għoli li jsaħħu l-għarfien u l-kompetenzi tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u jkomplu jippromwovu relazzjonijiet industrijali b’saħħithom u djalogu soċjali effettiv.
