Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol kien parti minn ħajti sa minn età żgħira. Kelli biss erba’ snin meta dħalt fin-Nursery ta’ Naxxar. Għalkemm ma ġejtx minn familja involuta fil-futbol, dejjem sibt l-appoġġ tagħhom biex inkompli nitħarreġ u ntejjeb il-logħba tiegħi. Minn dak il-mument ‘l hawn, il-futbol sar sodisfazzjon kbir għalija, u ftit ftit nibtet l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mtarfa FC.
Nemmen li dejjem hemm lok għal titjib, iżda b’mod ġenerali nħoss li qed ikolli prestazzjonijiet pożittivi. Qed inkun parti minn tim magħqud, b’plejers ta’ livell u b’mentalità tajba. Fil-ġimgħat li għaddew, il-prestazzjonijiet tagħna tjiebu b’mod sinifikanti. Għandna grupp ta’ plejers u staff tekniku li jaħdmu bla heda biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi li ltqajna magħhom, dejjem tajna l-massimu tagħna f’kull logħba. Anke jekk bħalissa ninsabu fl-aħħar postijiet tal-klassifika, ftit kienu l-logħbiet fejn ħriġna mill-pitch u stajna ngħidu li kellna wirja fqira.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa? U x’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-għan ewlieni tagħna hu li nżommu postna fil-BOV Challenge League. Għalkemm kellna diversi ostakli maghtul l-istaġun, issa li fadal biss tliet logħbiet, ninsabu f’pożizzjoni fejn kulħadd jemmen li nistgħu nsalvaw.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen ukoll li l-livell tal-futbol Malti żdied. Id-distakk bejn it-timijiet naqas, u kull tim qed ikun ippreparat tajjeb mill-aspett tattiku.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħalissa qed nittrenjaw fil-pitch ta’ Santa Lucia FC. Għalkemm, bħalma jiġri f’ħafna pitches artifiċjali oħra, il-kundizzjoni tal-art mhix l-aħjar, xorta waħda ninsab sodisfatt bir-riżorsi li għandna. Ħafna drabi jkollna l-pitch kollu għad-dispożizzjoni tagħna u anke dressing room għalina kuljum, xi ħaġa li tagħmilha aktar faċli biex niffokaw fuq it-taħriġ u t-titjib tagħna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
S’issa m’għandix pjan li nibqa’ involut fil-futbol bħala kowċ jew f’xi forma ta’ amministrazzjoni meta nieqaf nilgħab. Madankollu, ħadd ma jaf x’jġib il-futur, u nemmen li meta jasal iż-żmien li nieqaf, se nsibha diffiċli biex nieqaf għal kollox mill-futbol.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol huwa sport li jeħtieġ ħafna sagrifiċċji u dedikazzjoni, iżda s-sodisfazzjon li tagħti l-logħba jaf ikun kbir. Importanti li dejjem temmen fik innifsek u qatt ma taqta’ qalbek, anke jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin kif tixtieq. U fuq kollox, trid tkun dejjem lest biex tisma’ u titgħallem sabiex ittejjeb il-logħba tiegħek!