Tuesday, April 29, 2025

Il-futbol huwa sport sabiħ, ta’ impenn u sagrifiċċju … illum jew għada ċ-ċans jiġi – Simon Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tieghħek lejn il-futbol?

Naħseb li kul tifel fit-tfulija tiegħu kien iħobb il-futbol dak iż-żmien. Sport ieħor għalkemm kien hawn ma tanx konna nsegwu. Televixin mhux kulħadd kellu u lanqas kien ikun hemm programmi fuq sports bħalma hawn illum, anke l-media kienet limitata ħafna. Ġieli missieri kien jeħodni l-istadium tal-Gżira biex naraw xi logħba jew xi derby bejn Marsa u Hamrun Spartans. Il-futbol jien sa ma kelli għaxar snin kont nilagħbu fit-triq ma’ tfal tampari li kienu joqgħodu ħdejna. Xi minn daqqiet is-Sibt filgħodu bil-moħbi tal-ġenituri, konna ninżlu l-Marsa tal-Ingliżi, illum il-Marsa Sports Complex, biex forsi nidħlu nilagħbu naqra futbol ma’ ħafna tfal oħra li kien ikun hemm jilagħbu, imma dan kien ikun darba f’mitt qamar għax allaħares kienet tkun taf ommi li nżilt il-Marsa tal-Ingliżi. 

Darba fost l-oħrajn ħabib tiegħi Joseph Zammit li nsellimlu minn hawn kien offrieli li ninżel miegħu darba taħriġ mal-Hamrun Liberty FC. Kien laqqgħani ma’ Dun Anton Portelli, li kien jieħu ħsieb u mal- kowċ Ronnie Attard, Alla jaħfirlu, u nista’ ngħidlek li minn hemm ‘il quddiem ma ħaristx lura iżda tant ħadtu bis-serjetá li llum ninsab kuntent li għażilt sport li tant huwa sabiħ u li dejjem għandek x’titgħallem minnu.        

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tal-goalkeepers ta’ Floriana FC.

Mistoqsija li hemm ħafna x’wieħed jgħid. Ir-rwol tiegħi bħala kowċ tal-goalkeepers ma’ wieħed mill-klabbs glorjużi li għandna Malta huwa wieħed li ma jieqaf kważi qatt … ġimgħa sħiħa tipprepara sessjoijiets fuq dak it-tim li l-‘weekend’ li jkun ġej tkun se tilgħab kontrih, tanalizza l-logħba u l- karatteristiċi tagħhom, u anke tanalizza l-goalkeeper tiegħek kif kien fil-logħba ta’ qabel, u fejn seta’ kien aħjar bid-deċiżjonijiet li jkun ħa matul il-partita. 

Taħriġg dejjem puntwali nista’ ngħid, tmur kmieni biex tilħaq tipprepara s-sessjoni fil-pitch, u anke tilħaq titkellem naqra mal-kowċ u mal-assistant coach u anke mal-goalkeepers infushom. Jiena nemmen ħafna li trid tkun ħabib iktar milli kowċ għax b’hekk tkun tista’ taħdem aħjar u jifhmuk aħjar u anke inti tifhem lilhom aktar. 

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ Darren Abdilla u l-assistent tiegħu Brian Said?

Meta fi klabb bħal Floriana FC ikollok kowċis bħal Darren Abdilla u l-assistent tiegħu Brian Said li huma żewġ kowċis ta’ esperjenza kbira fil-futbol Malti, inħossni naħdem b’mod trankwill magħhom. Li inti tkun qed taħdem magħhom il-ġimgħa kollha, nista’ ngħid li jispiċċaw qishom ħutek. Iva nagħmlu ġimgħa sħiħa naħdmu flimkien, ovvjament biex insaħħu u ntejbu l-livell tat-tim. Bħalma għidtlek qabel trid tiddiskuti maż-żewġ kowċis dwar is-sessjonijiet tal-ġimgħa kif se naħdmu u kif ħa nippreparaw it- tim għal-logħba li jkollna fi tmiem il-ġimgħa. Anke x’ħin ikun irid lill-goalkeepers għas-sessjoni u anke dwar il-goalkeepers individwalment. Ma tonqosx xi ċajta ‘l hemm u ‘l hawn fid-dressing room tal-istaff.  

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Floriana FC sa issa fil-Malta Premier?

Bħalma taf sewwa inti din hija t-tieni sena tiegħi ma’ Floriana FC, u nemmen li dis-sena għandna skwadra li nistgħu nilħqu t-tragwardi tagħna. Baqa’ l-logħob u nista’ ngħid li kollha huma finali. Vera li għandna sieq ġewwa peressli konna aħna li ġejna l-ewwel fil-Opening Round tat-360 Sports Malta Premier. Issa dħalna fl-aħħar parti tal-kampjonat u nħoss li bis-sagrifiċċju li qed jagħmel kulħadd, għandna tim tajjeb biżżejjed biex inkunu hemm.     

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Kull tim fil-bidu tal-istaġun kalċistiku jagħmel tragwardi fejn jixtieq jasal. Dis-sena, it-tragwardi tagħna l-inqas nista’ ngħid huma li nipprovaw inkunu aħjar milli konna s-sena l-oħra. Jien inħossni li dis-sena għandna ċans li nkunu hemm niġġieldu għar-rebħ tal-Kampjonat u l-FA Trophy.  

Int ukoll wieħed mill-organizzaturi ta’ ‘The Team Sport Goalkeeper Battle 2025’ b’risq Caritas Malta. Agħtina d-dettalji kollha.

Jiena u Mario Muscat bdejna din l-attivitá sportiva lura fl-2011, meta fil-31 ta’ Marzu jum il-Ħelsien kienet saret l-ewwel edizzjoni u li ntlaqgħet tajjeb minn għadd ta’ goalkeepers f’etajiet differenti li kienu ħadu sehem dik is-sena. Dis-sena se tkun l-14-il edizzjoni li se nkunu qed norganizzaw u se ssir ġewwa l-grawnd tal-Mosta fil-31 ta’ Mejju li ġej. Din is-sena l-għan ta’ din l-attivitá ħa jkun biex il-profitti li jinġabru ħa ngħadduhom lil Caritas Malta. Din mhux l-ewwel darba li sar dan l-att filantropiku, iżda tul l-aħħar disa’ edizzjonijiet aħna konna ngħinu lill-‘Fondazzjoni Żemżem’, li kienet tgħin lil dawk li kienu jbatu mill-marda tal-lukimja.

Din l-attivitá sportiva li fiha jipparteċipaw biss goalkeepers minn etá ta’ 7/8 snin sal-kbar, anke goalkeepers bniet minn etá ta’ 15-il sena u kbar, tkun tikkonsisti f’pitch żgħir tal-futbol 20 / 20mt, żewġ lasti u ovvjament żewġ goalkeepers. Il-goalkeepers iridu jixxutjaw u jilqgħu x-xuttijiet ta’ xulxin. Ikollhom ħin ta’ żewġ minuti kull taqsima u min jiskorja l-iktar jirbah. L-ewwel fażi tkun ‘group stage’ li fih ikunu qed jikkompetu erba’ jew ħames goalkeepers ma’ xulxin. Min jiġi l-ewwel u t-tieni fil-grupp, jgħaddi għall-fażi tan-‘knock-out’. Il-loghob jibqa’ jintlagħab sa ma jiġu kwarti tal-finali, semi-finali u Finali … min jiġi l-ewwel, it-tieni u t-tielet jieħu trofew. 

Biex tapplika kull goalkeeper irid jimla applikazzjoni. L-applikazzjoni tinkiseb minn kull klabb jew nursery jew mingħand Teamsport Iklin, The Milano Sports shop Raħal Ġdid, jew jikkuntattjaw lili jew lil Mario Muscat, jew jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook GK BATTLE MALTA. Kull parteċipant (kull goalkeeper) ikun intitolat għal ‘full kit’, par ingwanti u midalja tal-okkażjoni.

Nixtieq li minn hawn inħeġġeġ bis-sħiħ lill-goalkeepers kollha ta’ liema etá huma illi xi ħaġa bħal din jieħdu sehem fiha għax mhux biss ikunu qed jieħdu pjaċir jilagħbu u jippawteċipaw fl-isport favorit tagħhom imma jkunu qed jgħinu lil ħaddieħor li forsi jkun għaddej minn xi diffikultajiet fil-ħajja tiegħu.      

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur ħadd ma jista’ jaqrah, imma nirringrazzja ‘l Alla u lill-mara tiegħi, Sandra, li bil-ħila tagħhom għadni attiv u involut fil-logħba li tant inħobb. Inħares lejn il-futur tiegħi billi l-ewwel ħaġa nitlob lil Alla ikompli jagħtini s-saħħa biex inkompli nagħti servizz, u li nkun nista’ nibqa’ attiv bħala kowċ tal-goalkeepers, nara u nejn t tfal jinvolvu ruhhom aktar fl sports mod specjali bhala gks.  

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol huwa sport sabieħ, ta’ impenn u sagrifiċċju. Tul dan iż-żmien kollu li jien kont involut fil-futbol bħala goalkeeper u anke bħala kowċ, nixtieq ngħaddi messaġġ wieħed, speċjalmen lill-goalkeepers żgħar li għadhom telgħin, biex iżommu saqajhom mal-art u ma jiġux influenzati milli jaraw fuq il-mezzi soċjali. Għandhom jiffukaw dejjew fuq it-taħriġ u qatt ma jaqtgħu qalbhom. Illum jew għada, iċ-ċans jiġi!  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport