Inspiration ta’ Godwin Zammit ħarġet rebbieħa tar-Ramla Bay Weekend Regatta, organizzata mir-Royal Malta Yacht Club bħala parti mill-Yachting Malta Race Week, minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli li d-dgħajjes kellhom jaffaċċjaw matul it-tmiem il-ġimgħa.
L-avveniment beda l-Ġimgħa wara nofsinhar b’tellieqa mill-Port ta’ Marsamxett lejn ir-Ramla tal-Bir fil-Mellieħa, li ntemmet quddiem ir-Ramla Bay Resort. Inspiration mar fuq quddiem u żamm il-vantaġġ, b’Stella R ta’ Steve Carter ftit warajha.
Is-Sibt ġab miegħu l-aktar kundizzjonijiet diffiċli. It-tlielaq bdew taħt tbassir tat-temp instabbli, iżda hekk kif il-kundizzjonijiet komplew jiddeterjoraw, it-tellieqa kienet abbandunata hekk kif kienu fi triqithom lura, minħabba l-maltemp. Seven ta’ Mario Debono u Inspiration ġarrbu xi ħsarat, iżda ż-żewġ jottijiet setgħu jirritornaw għat-tlielaq il-Ħadd.
Il-kundizzjonijiet tjiebu xi ftit il-Ħadd, u dan ippermetta lill-jottijiet ilestu t-tellieqa sal-irziezet tal-ħut u lura. Calypso ta’ Sebastian Ripard ħa l-vantaġġ, segwit minn Amuni ta’ Kevin Pisani Zammit, b’Seven u Inspiration viċin warajhom; Inspiration temmet fit-tielet post.
It-tellieqa tat-Tnejn segwiet rotta simili b’Calypso jerġa’ jikseb rebħa oħra, segwit minn Inspiration u Seven.
Bi tliet tlielaq kompluti, Godwin Zammit ġie ddikjarat rebbieħ overall, żewġ punti fuq Calypso, riżultat li rrifletta l-konsistenza u l-esperjenza tal-ekwipaġġ ta’ Inspiration tul weekend ta’ tlielaq impenjattiv.
Fil-Klassi RMYC Club, Forever 25 ta’ Martin Kunath kisbet ir-rebħa. Minkejja li ġarrbet ħsarat is-Sibt u tilfet it-tielet tellieqa, Forever 25 irritornat għat-tlielaq it-Tnejn.
Sadanittant, il-Finductive National Dinghy Championships ma setgħu jlestu l-ebda tellieqa, minkejja li l-flotot tad-dinghies kienu lesti biex itellqu kuljum. Buffura qawwija fil-fliegu ta’ Kemmuna s-Sibt, segwita minn nuqqas ta’ riħ fil-jiem ta’ wara, wasslu biex it-tlielaq ma setgħux isiru. Il-Kumitat tat-Tlielaq organizza sensiela ta’ attivitajiet, fosthom logħob u kwiżż marbut mal-ibburdjar, sabiex iżomm lill-baħħara żgħażagħ okkupati. L-avveniment kien ukoll parti mill-European Week of Sport ta’ Sport Malta.
Il-Commodore tal-Club, Mark Napier, qal: “Filwaqt li l-pjanijiet tat-tlielaq ma marrux kollha kif xtaqna, l-organizzazzjoni mill-ġdid tarRamla Bay Weekend intlaqa’ tajjeb, u ġab flimkien lill-baħħara u lill-familji tagħhom għal ftit , b’opportunitajiet ta’ rilassament mal-kompetizzjoni, għalkemm b’mod kemxejn differenti. Kien partikolarment sabiħ li naraw lill-klabbs lokali kollha tal-ibburdjar jingħaqdu flimkien biex jappoġġjaw din l-inizjattiva, speċjalment billi pprovdew attivitajiet alternattivi meta ma ppermettiex it-temp.”
Ir-Royal Malta Yacht Club irringrazzja lil Yachting Malta, Finductive Ltd u Sport Malta għall-appoġġ tagħhom lejn l-avveniment, kif ukoll lir-Ramla Bay Resort, Welbee’s Supermarket u Oshee Isotonic Drinks għall-appoġġ addizzjonali tagħhom.




