Għajnuna finanzjarja għal ħsarat mill-kostruzzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum qed inħabbru bidla li se tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ nies li f’xi mument jistgħu jsibu ruħhom ibatu l-konsegwenzi ta’ ħsarat ikkaġunati minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.” 

Iddikjara dan il-Ministru għall-Infastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar servizz ġdid t’assistenza finanzjarja għal persuni li jsofru ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba attività ta’ kostruzzjoni. 

Dan is-servizz offrut mill-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se jibda mill-1 ta’ Novembru li ġej. Permezz ta’ dan is-servizz, dawk it-terzi li jkunu ġarrbu xi ħsarat fil-proprjetà tagħhom u li ma jkunux laħqu ftehim mal-iżviluppatur, se jkunu jistgħu jagħmlu talba quddiem l-Awtorità.

It-talba trid issir quddiem Kumitat, magħmul mill-professjonisti, li jevalwa kull talba u jista’ jirrifondi l-ispejjeż lit-terzi li jkunu ġarrbu l-ħsarat, sa massimu ta’ €15,000. Kemm-il darba l-iżviluppatur ma jonorax l-obbligi tiegħu, l-Awtorità tassumi d-drittijiet legali tat-terz sabiex imbagħad tirkupra l-flus mingħand l-iżviluppatur bi proċess legali. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard qal li mill-1 ta’ Novembru ’l quddiem, mhux biss se jkunu qegħdin jirregolaw aħjar ir-riskji marbuta mal-kostruzzjoni, iżda wkoll qed joffru livell ġdid ta’ protezzjoni u serħan il-moħħ għal dawk li jistgħu jiġu affettwati minnhom.

Huwa għamilha ċara wkoll li dan mhuwiex fond li se jkun iffinanzjat mill-finanzji pubbliċi. Qal li r-riserva se tkun finanzjata mill-industrija u ċioe minn kull applikant, permezz ta’ kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mal-applikazzjoni u li jirriflettu l-ispejjeż bankarji relatati mal-manteniment tal-garanzija bankarja kif inhi illum.

Il-Ministru Attard tenna jgħid li bl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura qiegħda titwettaq wegħda elettorali oħra elenkata fil-manifest tal-aħħar elezzjoni ġenerali. “Qed nibdlu sistema li kienet tistenna lill-vittma taġixxi f’sistema li tkun kapaċi taġixxi għall-vittma,” kompla jgħid il-Ministru. 

“Il-miżura li qed inħabbru hija r-riżultat ta’ xhur twal ta’ ħidma, konsultazzjoni u studju anke fuq livell internazzjonali.

“Studju komparattiv internazzjonali mwettaq fil-kuntest ta’ din ir-riforma sab li filwaqt li diversi ġurisdizzjonijiet għandhom sistemi ta’ infurzar, assigurazzjoni jew kumpens, ma nstab l-ebda pajjiż li jgħaqqad flimkien taħt qafas wieħed servizz ta’ emerġenza, assistenza professjonali, appoġġ legali, kumitat indipendenti ta’ esperti, fond ta’ garanzija għall-vittmi u setgħat ta’ rkupru mingħand min ikun responsabbli.

“Dan il-mudell Malti jista’ għalhekk jitqies bħala wieħed innovattiv u fost l-aktar avvanzati fil-protezzjoni ta’ persuni milquta minn attività ta’ kostruzzjoni,” tenna l-Ministru Attard filwaqt li enfasizza li din l-inizjattiva hi konsistenti mal-viżjoni usa’ li wasslet għar-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, semma kif filwaqt li fil-preżent qed tingħata assistenza professjonali, ta’ periti u avukati, b’xejn lil terzi, ma’ din l-assistenza issa se tkun qiegħda tiżdied dik finanzjarja. Qal li dan huwa pass ieħor li jingħaqad ma’ diversi servizzi oħra sabiex kull min qiegħed fis-settur ikun responsabbli għal xogħol u fl-aħħar mill-aħħar it-terz ikun kopert. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport