Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fil-Laqgħat tal-ECOFIN f’Dublin

Aqra wkoll

Il-Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, is‑Sur Alexander Demarco, ipparteċipa fil‑laqgħat informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) li saru f’Dublin, l-Irlanda, fis-17 u t-18 ta’ Settembru 2026.

Għal-laqgħat kienu mistiedna l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali u l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea sabiex jiddiskutu dwar opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament biex jilqgħu għall-isfidi globali, kif ukoll il-finanzjament sostenibbli tat-tranżizzjoni ekoloġika.

Waqt id-diskussjonijiet, il-parteċipanti qasmu l-fehmiet tagħhom dwar kif is-swieq finanzjarji Ewropej jistgħu jappoġġaw aħjar il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kumpaniji. Saret enfasi fuq it-trawwim tal-innovazzjoni, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku fit-tul u l-indirizzar tal-ħtieġa dejjem tikber għal żvilupp sostenibbli.

Il-Gvernatur Demarco attenda wkoll konferenza organizzata mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda bit-titlu Trust and Innovation – The Future of Finance. Il-konferenza esplorat l-opportunitajiet u l-isfidi li jirriżultaw mill-innovazzjoni teknoloġika fis-servizzi finanzjarji, kif ukoll l-importanza li tinżamm il-fiduċja u r-reżiljenza fis-sistema finanzjarja.

Il-laqgħat ipprovdew ukoll opportunità għal dawk li jfasslu l-politika sabiex jesploraw modi kif tissaħħaħ l-ekosistema finanzjarja tal-Ewropa. Dan biex jiġi żgurat li n-negozji jkollhom aċċess għall-finanzjament meħtieġ biex jibqgħu kompetittivi u jikkontribwixxu għall-għanijiet ekonomiċi u ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport