Thursday, March 20, 2025

Il-futbol jirrikjedi sigħat twal ta’ xogħol … biss is-sodisfazzjon kapaci jkun wieħed kbir – Adrian Ciappara

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Team Manager ta’ Naxxar Lions.

Ir-rwol ta’ Team Manager huwa wieħed vast ħafna. Minhabba l-fatt li aħna bħala klabb sa issa m’għandniex il-faċilitajiet tagħna, ta’ kuljum irrid nara li għandna l-grawnds ibbukjati għat-taħriġ kif ukoll li l-plejers u l-istaff ma jkun jonqoshom xejn f’dak li huwa apparat u affarijiet oħra. Hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax il-kumplament tal-istaff tekniku li jagħmel ħafna xogħol li ftit jidher ta’ kuljum. Barra minn hekk inżomm kuntatt mal-kowċis u l-amministrazzjoni tal-klabb sabiex inkomplu nwettqu l-istrateġija li għandu l-klabb.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Dan l-istaġun sa issa kien wieħed diffiċli meta tikkunsidra li spiċċajna fit-12-il post fl-Opening round u sa issa fil Closing Round erġajna ninsabu fit-12-il post. Sar ħafna xogħol u se jibqa’ jsir sabiex nippruvaw intejbu kemm il-prestazzjonijiet u anke r-riżultati tat-tim.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Bħala klabb għandna diversi tragwardi li qegħdin naħdmu fuqhom matul dan l-istaġun, kemm dawk ta’ fuq il-pitch u oħrajn barra l-pitch sabiex intejbu l-istruttura tal-klabb u in the long term il-klabb tagħna jkollu iktar stabbilitá. It-tragward prinċipali tagħna huwa dak li nippruvaw nevitaw ir-relegazzjoni għall-BOV Challenge League fl-aħħar tal-istaġun. Barra min hekk il-Minors tagħna qegħdin jikkompetu għat-titlu ta’ Section A. Il-Minors għalina huma prijoritá wkoll fejn ħafna minn dawn iż-żgħażagħ huma parti integrali fit-tim tal-kbar u ħafna minnhom lagħbu numru ta’ partiti fil-Malta Premier. Apparti minn hekk, objettiv ieħor tal-klabb se jkun li jitlesta l-proġett tal-grawnd, fejn in-nursery u t-tim tal-kbar u l-minors se jkollna post wieħed fejn nittrenjaw.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol f’Malta nemmen li żdied. Jekk jirnexxielek iġġib numru ta’ plejers barranin li jkunu ta’ livell il-kampjonat se jogħla fil-livell tiegħu u ż-żgħażagħ li jittrenjaw kontinwament magħhom se jgħollu l-livell tagħhom. Kif qed jiżvolgi dan il-Closing Round juri kemm it-timijiet huma bilanċjati.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Rigward il-grawnds li nittrenjaw fihom, li huma tlieta, huma kollha ta’ livell tajjeb, biss issa nixtiequ li jitlesta l-proġett tal-grawnd tagħna ħalli jkollna bażi hemmhekk. Rigward il-pitches fejn jintlagħab il-kampjonat nemmen li huma kollha pitches tajba u wieħed ma jistax ma jirringrazzjax lill-groundsmen li jagħmlu xogħol tajjeb ħafna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi narah mal-klabb ta’ Naxxar Lions. Huwa l-klabb li nissimpatizza miegħu u l- akbar sodisfazzjon tiegħi hu li nirrapreżenta lill-klabb bl-aħjar mod possibli. Apparti minn hekk fejn ikun possibli nkompli nieħu l-korsijiet li joħorġu l-MFA u entitajiet oħra sabiex inkompli nkabbar l-għarfien tiegħi fil-logħba tal-futbol. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Sabiex wieħed jikseb suċċess fi kwalunke rwol fil-futbol, irid jagħmel bosta sagrifiċċji u jisma’ mill-kowċis jew amministraturi (minħabba l-fatt li fil-kariga tiegħi rrid nieħu l-pariri ta’ dawk li qegħdin diġá fl-amministrazzjoni). Il-futbol jirrikjedi sigħat twal ta’ xogħol … biss is-sodisfazzjon kapaci jkun wieħed kbir. Suċċess ieħor għalija personali huwa meta tħossok apprezzat mill-kumplament tal-Amministrazzjoni tal-Klabb għax-xogħol li jsir, tal-partitarji ġenwini tal-klabb li jafu kemm naħdmu, u tal-plejers li nkunu magħhom tista’ tgħid kuljum. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport